Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

1 Rapport Amministrattiv

1.1 Għan tar-rapport amministrattiv tal-BĊE

Ir-rapport amministrattiv[1] hu parti integrali tal-Kontijiet Annwali tal-BĊE u hu maħsub biex jipprovdi tagħrif kuntestwali għall-qarrejja fir-rigward tar-rapporti finanzjarji.[2] Minħabba li l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tal-BĊE jsiru biex isostnu l-għanijiet tal-politika tiegħu, ir-riżultat finanzjarju u l-pożizzjoni finanzjarja tal-BĊE għandhom jitqiesu flimkien mal-azzjonijiet tal-politika tiegħu.

Għal dan il-għan, ir-rapport amministrattiv jippreżenta l-attivitajiet u l-operazzjonijiet ewlenin tal-BĊE, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq ir-rapporti finanzjarji tiegħu. Barra dan, janalizza l-iżviluppi ewlenin fil-Karta tal-Bilanċ u l-Kont tal-Profitt u t-Telf matul is-sena u jinkludi tagħrif dwar ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE. Finalment, jiddeskrivi l-ambjent ta' riskju li fih jopera l-BĊE, waqt li jipprovdi tagħrif dwar ir-riskji finanzjarji u operazzjonali li l-BĊE hu espost għalihom, u l-politika għall-ġestjoni tar-riskji użata biex ittaffihom.

1.2 Attivitajiet

Il-BĊE hu parti mill-Eurosistema, li għandha l-għan ewlieni li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-kompiti ewlenin tal-BĊE, kif deskritti fl-Istatut tas-SEBĊ,[3] jinkludu l-implimentazzjoni tal-politika monetarja taż-żona tal-euro, it-tmexxija ta’ operazzjonijiet tal-kambju barrani, il-ġestjoni tar-riżervi barranin uffiċjali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro u l-promozzjoni tat-tħaddim bla xkiel tas-sistemi ta’ ħlas.

Il-BĊE hu responsabbli wkoll għall-funzjonament effikaċi u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), bil-għan li ssir superviżjoni bankarja intrużiva u effettiva li tikkontribwixxi għas-sigurtà u s-solidità tas-sistema bankarja u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

L-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema jiġu reġistrati fir-rapporti finanzjarji tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (BĊN), fatt li jirrifletti l-prinċipju tal-implimentazzjoni deċentralizzata tal-politika monetarja fl-Eurosistema. It-Tabella 1 hawn taħt tagħti deskrizzjoni ġenerika tal-operazzjonijiet u l-funzjonijiet ewlenin tal-BĊE mwettqa biex jissodisfa l-mandat tiegħu, u l-impatt tagħhom fuq ir-rapporti finanzjarji tal-BĊE.

Tabella 1

L-attivitajiet ewlenin tal-BĊE u l-impatt tagħhom fuq ir-rapporti finanzjarji tiegħu

1) Dettalji oħra dwar self ta’ titoli jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
2) Dettalji oħra dwar it-TARGET2 jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

1.3 Żviluppi finanzjarji

1.3.1 Karta tal-Bilanċ

Il-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE kibret b’mod sinifikanti fil-perjodu 2015-2018 minħabba l-akkwist ta’ titoli taħt il-programm ta' xiri ta’ assi (APP).[4]

Fl-2019 l-assi totali tal-BĊE żdiedu b’€10.0 biljun għal €457.1 biljun. Din iż-żieda kienet dovuta l-aktar minħabba (i) iż-żieda fil-valur tas-suq tal-assi tar-riżerva barranija tal-BĊE, minħabba ż-żieda fil-prezz tad-deheb u l-apprezzament tad-dollaru Amerikan u l-yen Ġappuniż fir-rigward tal-euro matul is-sena, u (ii) iż-żieda fil-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni.[5]

Ċart 1

Komponenti ewlenin tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Titoli denominati f’euro miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja kienu jirrappreżentaw 55% tal-assi totali tal-BĊE fi tmiem l-2019. Taħt din il-pożizzjoni tal-karta tal-bilanċ il-BĊE għandu titoli akkwistati fil-kuntest tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP), it-tliet programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP1, CBPP2 u CBPP3), l-ABSPP u l-PSPP. Matul l-2019 il-BĊE investa bis-sħiħ il-pagamenti prinċipali mit-titoli li jimmaturaw miżmuma fil-portafolli tal-APP tiegħu. Barra minn hekk mill-1 ta’ Novembru 2019 il-BĊE beda mill-ġdid ix-xiri nett ta’ titoli taħt l-APP fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tat-12 ta’ Settembru 2019 dwar ix-xiri globali tal-Eurosistema ta’ kull xahar[6] u suġġett għal kriterji ta’ eliġibbiltà predeterminati.

Fl-aħħar tal-2019 il-portafoll ta’ titoli miżmuma mill-BĊE għal skopijiet ta’ politika monetarja naqas b’EUR 1.3 biljun għal €250.4 biljun (ara ċ-Ċart 2), prinċipalment minħabba fidi ta’ titoli miżmuma taħt l-SMP, is-CBPP1 u s-CBPP2. It-tnaqqis totali f’dawn l-investimenti ammontaw għal €2.2 biljun. It-tnaqqis b’€0.1 biljun tal-portafoll tal-PSPP prinċipalment seħħ minħabba l-impatt nett tal-amortizzazzjoni tal-primjums u l-iskontijiet[7] fuq titoli miżmuma fil-portafoll, li aktar milli kkumpensaw ix-xiri nett li sar fl-aħħar xahrejn tal-2019.

Ċart 2

Titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Fl-2019 il-valur totali ekwivalenti f’euro tal-assi tal-BĊE f’riżervi barranin, li jikkonsistu minn deheb, drittijiet speċjali ta’ ġbid, dollari Amerikani, yen Ġappuniżi u renminbi Ċiniżi, żdied bi €6.2 biljun għal €75.8 biljun.

Il-valur ekwivalenti f’euro tal-investimenti tal-BĊE f'deheb u ammonti riċevibbli f'deheb żdied bi €3.8 biljun għal €22.0 biljun fl-2019 (ara ċ-Ċart 3), minħabba żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f'termini ta’ euro, waqt li d-daqs ta' dawn l-investimenti f’uqiji fini ma nbidilx. Din ż-żieda wasslet ukoll għal żieda fil-kontijiet tar-rivalutazzjoni, li żdiedu bl-istess ammont (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi finanzjarji”).

Ċart 3

Investimenti f’deheb u prezz tad-deheb

(skala tax-xellug: EUR biljuni; skala tal-lemin: euro għal kull uqija fina ta’ deheb)

Sors: BĊE.
Nota: “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni tad-deheb” ma jinkludux il-kontribuzzjonijiet tal-banek ċentrali tal-Istati Membri li ssieħbu fiż-żona tal-euro wara l-1 ta’Jannar 1999 għall-kontijiet akkumulati ta’ rivalutazzjoni tad-deheb tal-BĊE fil-jum ta’ qabel id-dħul tagħhom fl-Eurosistema.

L-investimenti netti tal-BĊE f’munita barranija[8] miżmuma f’dollari Amerikani, yen Ġappuniżi u renminbi Ċiniżi, żdiedu f'termini ta' euro bi €2.4 biljun għal €53.1 biljun (ara ċ-Ċart 4), minħabba l-investiment mill-ġdid tad-dħul irċevut matul is-sena minn dawk l-investimenti u d-deprezzament tal-euro kontra d-dollaru Amerikan u l-yen Ġappuniż. Id-deprezzament tal-euro huwa rifless ukoll fil-bilanċi ogħla fil-kontijiet ta' rivalutazzjoni tal-BĊE (ara t-Taqsima 1.3.2 "Riżorsi finanzjarji").

Ċart 4

Investimenti f’munita barranija

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Id-dollaru Amerikan baqa’ l-komponent ewlieni fl-investimenti tal-BĊE f'munita barranija, u rappreżenta madwar 77% tat-total fi tmiem is-sena 2019.

Il-BĊE jamministra l-investiment tar-riżervi tiegħu f’munita barranija bl-użu ta’ proċess bi tliet stadji. L-ewwel, portafoll referenzjali strateġiku jitfassal mill-maniġers tar-riskju tal-BĊE u jiġi approvat mill-Kunsill Governattiv. It-tieni, il-maniġers tal-portafolli tal-BĊE jfasslu l-portafoll referenzjali tattiku, li jiġi approvat mill-Bord Eżekuttiv. It-tielet, isiru operazzjonijiet ta’ investiment ta’ kuljum b’mod deċentralizzat mill-BĊN.

Ir-riżervi tal-BĊE f’munita barranija jiġu investiti l-aktar f’titoli u f’depożiti tas-suq monetarju jew jinżammu f’kontijiet kurrenti (ara ċ-Ċart 5). It-titoli f’dan il-portafoll jiġu valutati bil-prezzijiet tas-suq tal-aħħar tas-sena.

Ċart 5

Kompożizzjoni tal-investimenti f'munita barranija

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

L-għan tar-riżervi f'munita barranija tal-BĊE hu li jiffinanzjaw interventi potenzjali fis-suq tal-kambju barrani. Għal din ir-raġuni, ir-riżervi tal-BĊE f’munita barranija jiġu amministrati skont tliet għanijiet: (f’ordni ta’ prijorità), likwidità, sigurtà u redditu. Għalhekk, dan il-portafoll jinkludi l-aktar titoli b’maturità qasira (ara ċ-Ċart 6).

Ċart 6

Profil tal-maturità tat-titoli denominati f'munita barranija

Sors: BĊE.

Fl-2019 il-valur tal-portafoll ta’ fondi proprji baqa’ prattikament kif kien (ara ċ-Ċart 7). Dan il-portafoll jikkonsisti l-aktar minn titoli denominati f’euro li jiġu valutati bil-prezzijiet tas-suq ta’ tmiem is-sena.

Ċart 7

Il-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Il-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE jinżamm bħala kontroparti diretta għall-kapital imħallas tiegħu, il-provvediment għar-riskji finanzjarji u l-fond tar-riżerva ġenerali. L-għan ta’ dan il-portafoll hu li jipprovdi dħul biex jgħin fil-finanzjament tal-ispejjeż operazzjonali tal-BĊE li m’għandhomx x’jaqsmu mat-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu.[9] F’dan il-kuntest, l-għan tal-ġestjoni tal-portafoll tal-fondi proprji hu li jżid ir-redditi kemm jista’ jkun, soġġett għal għadd ta’ limiti tar-riskju. Dan jirriżulta fi struttura ta’ maturità iżjed diversifikata (ara ċ-Ċart 8), minn dik tal-portafoll tar-riżervi f’munita barranija.

Ċart 8
Profil tal-maturità tat-titoli tal-fondi proprji tal-BĊE

Sors: BĊE.

1.3.2 Riżorsi finanzjarji

Ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE jikkonsistu mill-kapital tiegħu, il-provvediment ġenerali għar-riskju, il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni u l-qligħ għas-sena. Dawn ir-riżorsi finanzjarji (i) jiġu investiti f’assi li jiġġeneraw dħul u/jew (ii) jintużaw biex ipattu direttament għal telf li jirriżulta minn riskji finanzjarji. Sat-Tlieta, 31 ta’ Diċembru 2019, ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE ammontaw għal total ta' €47.7 biljun (ara ċ-Ċart 9). Dan kien €5.7 biljun ogħla minn dak tal-2018, l-iżjed minħabba żieda fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni wara d-deprezzament tal-euro.

Ċart 9

Ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.
Nota: Il-”Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” jinkludu l-qligħ totali mir-rivalutazzjoni tal-investiment f'deheb, munita barranija u titoli, iżda jeskludu l-kont tar-rivalutazzjoni għall-benefiċċji ta' wara l-impjieg.

Il-qligħ mhux realizzat mid-deheb, mill-muniti barranin u mit-titoli li hu soġġett għar-rivalutazzjoni tal-prezzijiet mhux rikonoxxut bħala dħul fil-Kont tal-Profitt u t-Telf iżda jidħol direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni li jihru fuq in-naħa tal-passiv tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE. Il-bilanċi f'dawn il-kontijiet jistgħu jintużaw biex jassorbu l-impatt ta’ ċaqliq sfavorevoli fil-prezzijiet u/jew fir-rati tal-kambju rispettivi fil-ġejjieni, u b’hekk isaħħu r-reżistenza tal-BĊE għar-riskji sottostanti. Fl-2019 il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni għad-deheb, il-muniti barranin u t-titoli[10] naqsu bi €5.1 biljun, għal €30.2 biljun, l-iżjed minħabba żieda fil-prezz tad-deheb u d-deprezzament tal-euro kontra d-dollaru Amerikan u l-yen Ġappun (ara ċ-Ċart 10).

Ċart 10

Ir-rati ewlenin tal-kambju barrani u l-prezz tad-deheb matul il-perijodu 2015-19

(bidliet perċentwali vis-à-vis l-2015; dejta ta’ tmiem is-sena)

Sors: BĊE.

Il-qligħ mill-assi u l-obbligazzjonijiet tal-BĊE għal sena finanzjarja partikolari jista’ jintuża biex jassorbi telf potenzjali mġarrab fl-istess sena. Fl-2019 il-qligħ tal-BĊE kien ta’ €2.4 biljun, €0.8 bijun iżjed minn dak tal-2018.

Minħabba l-espożizzjoni tiegħu għal riskji finanzjarji (ara t-Taqsima 1.4.1 “Riskji finanzjarji”), il-BĊE jżomm provvediment għal riskji finanzjarji. Id-daqs ta’ dan il-provvediment jiġi eżaminat kull sena billi titqies firxa ta’ fatturi, fosthom il-livell ta’ investimenti ta’ assi soġġetti għal riskju, ir-riżultati mbassrin għas-sena li jmiss u valutazzjoni tar-riskju. Il-provvediment għar-riskju, flimkien ma’ kwalunkwe ammont miżmum fil-fond tar-riżervi ġenerali tal-BĊE, m’għandhomx jaqbżu l-valur tal-kapital imħallas mill-BĊN taż-żona tal-euro. Wara l-aġġustament ta’ ħames snin tal-iskema għas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE mill-1 ta’ Jannar 2019 u t-tnaqqis li jirriżulta fl-ippeżar tal-BĊN taż-żona tal-euro fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, u wara li jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-valutazzjoni tal-iskoperturi tal-BĊE għar-riskji finanzjarji, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jirrilaxxa €84 miljun mill-provvediment tal-BĊE għar-riskji finanzjarji sabiex jikkonforma mal-livell massimu permess ta’ €7.5 biljun, li huwa daqs il-valur tal-kapital imħallas mill-BĊN taż-żona tal-euro.

Il-kapital tal-BĊE mħallas mill-BĊN fiż-żona tal-euro u l-BĊN li mhumiex fiż-żona tal-euro kien fil-31 ta’ Diċembru 2019 ta’ €7.7 biljun, €81 miljun inqas milli fi tmiem l-2018. Dan it-tnaqqis kien riżultat tal-aġġustament ta’ ħames snin tal-iskema tal-kapital tal-BĊE li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2019 u rriżulta fi tnaqqis fl-ippeżar tal-BĊN taż-żona tal-euro (bis-sottoskrizzjonijiet imħallsa kollha).

Fl-2020 is-sehem tal-BĊN fil-kapital tal-BĊE se jinbidel minħabba l-ħruġ previst tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u l-irtirar konsegwenti tal-Bank of England mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-kapital sottoskritt tal-BĊE ser jibqa’ l-istess, billi s-sehem tal-Bank of England fil-kapital sottoskritt tal-BĊE ser jiġi riallokat fost BĊN taż-żona tal-euro u dawk li mhumiex fiż-żona tal-euro. Il-kapital imħallas tal-BĊE SER jibqa’ ma jinbidilx fl-2020 ukoll, billi l-BĊN li fadal ser ikopru s-sehem irtirat tal-kapital imħallas tal-Bank of England.

1.3.3 Kont tal-Profitt u t-Telf

Tul il-perijodu 2015-19 il-profitt annwali tal-BĊE żdied gradwalment minn madwar €1.1 biljun għal madwar €2.4 biljun (ara ċ-Ċart 11), l-iżjed minħabba dħul ogħla mill-imgħax ġenerat fuq l-assi tar-riżervi barranin u fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja, li pattew sew għat-tnaqqis fid-dħul mill-imgħax fuq il-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni[11] u fuq il-portafoll tal-fondi proprji.

Fl-2019 il-profitt tal-BĊE kien ta’ €2,366 miljun (2018: €1,575 miljun). Iż-żieda ta’ €790 miljun meta mqabbla mal-2018 kienet dovuta kemm għal żieda fid-dħul tal-imgħax nett kif ukoll għal riżultati aħjar mill-operazzjonijiet finanzjarji.

Ċart 11

Komponenti ewlenin tal-Kont tal-Profitt u t-Telf tal-BĊE

(miljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.
Nota: “Dħul u spejjeż oħra” tikkonsisti minn “Dħul/spejjeż netti minn tariffi u kummissjonijiet”, “Dħul mill-ishma azzjonarji u l-interessi azzjonarji”, “Dħul ieħor” u “Spejjeż oħra”.

Id-dħul nett mill-imgħax tal-BĊE żdied bi €410 miljun għal €2,686 miljun (ara ċ-Ċart 12), l-iżjed minħabba dħul ogħla mill-imgħax li kien qligħ fuq l-assi kemm tar-riżervi barranin kif ukoll fuq it-titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja.

Ċart 12

Dħul nett mill-imgħax

(miljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Id-dħul mill-imgħax fuq assi f’riżervi barranin żdied minn €190 miljun għal €1,052 miljun, l-aktar minħabba ż-żieda fid-dħul mill-imgħax ogħla fuq titoli denominati f’dollari Amerikani.

Minħabba x-xejra li qed tiżdied fir-rendiment ta’ titoli f'dollari Amerikani matul il-biċċa l-kbira tal-2018 (ara ċ-Ċart 13), b'mod partikolari għal maturitajiet qosra, il-BĊE akkwista titoli b'rendimenti ogħla, u b’hekk żied ir-rendiment medju tal-portafoll tad-dollaru Amerikan meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Dan kellu impatt pożittiv fuq id-dħul mill-imgħax li nkiseb fuq dan il-portafoll matul l-2019.

Ċart 13

Rendiment tal-bonds tal-gvern fl-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina

(perċentwali fis-sena; dejta fl-aħħar tax-xahar)

Sors: BĊE.

Id-dħul nett mill-imgħax ġenerat fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja fl-2019 kien ta’ €1,447 miljun, li kien €212 miljun ogħla milli kien fl-2018 (ara ċ-Ċart 14). Id-dħul nett mill-imgħax li ġej mit-titoli APP żdied bi €316 miljun għal €1,136 miljun. Din iż-żieda ġiet prinċipalment mill-portafoll tal-PSPP minħabba l-ogħla medja tal-investimenti u r-rendiment medju tal-portafoll matul is-sena meta mqabbel mal-2018. B’mod partikolari, ir-rendiment medju tal-portafoll żdied fl-aħħar sentejn bħala riżultat ta’ (i) it-titoli ta’ rendiment ogħla akkwistati matul l-2018 meta mqabbel mar-rendiment medju storiku tal-portafoll u (ii) l-investiment mill-ġdid tal-kapital ħlasijiet fl-2019 b’rendiment ogħla mit-titoli mifdija. Fl-istess ħin ir-redditi fuq tal-bonds sovrani (tal-gvern) taż-żona tal-euro baqgħu fuq livell baxx bħala medja fl-2019 (ara ċ-Ċart 15). Id-dħul ogħla mill-imgħax nett minn titoli APP patta sew għat-tnaqqis fid-dħul nett mill-imgħax fuq il-portafolli SMP, CBPP1 u CBPP2, li naqas b’€104 miljun għal €311 miljun, minħabba t-tnaqqis fid-daqs ta’ dawn il-portafolli bħala riżultat tal-maturazzjoni tat-titoli. Fl-2019, it-titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja ġġeneraw madwar 54% tad-dħul nett tal-BĊE mill-imgħax.

Ċart 14

Dħul nett mill-imgħax fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja

(miljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Ċart 15

Rendimenti tal-bonds tal-gvern ta’ għaxar snin fiż-żona tal-euro

(perċentwali fis-sena; dejta fl-aħħar tax-xahar)

Sors: BĊE.

Kemm id-dħul mill-imgħax fuq is-sehem tal-BĊE tat-total ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni kif ukoll l-ispiża tal-imgħax relatata mal-klejms tal-BĊN fir-rigward tar-riżervi barranin trasferiti kien żero minħabba r-rata tal-imgħax ta’ 0% użata mill-Eurosistema fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tagħha (MROs).

Dħul nett ieħor mill-imgħax naqas, l-aktar minħabba dħul minn imgħax iżjed baxx fuq il-portafoll tal-fondi proprji, li rriżulta mill-ambjent ta’ redditi baxxi fiż-żona tal-euro.

Ir-riżultat nett tal-operazzjonijiet finanzjarji u l-valutazzjoni negattiva fuq l-assi finanzjarji ammonta għal qligħ ta’ €176 miljun (ara ċ-Ċart 16). Dan ir-riżultat kien ta’ €322 miljun ogħla minn dak tal-2018, l-iżjed minħabba riżultati iżjed aħjar realizzati fuq il-prezzijiet.

Fl-2019 kien hemm qligħ nett realizzat fuq il-prezz tal-investimenti f’titoli, l-iżjed minħabba qligħ fuq il-prezzijiet tat-titoli Amerikani denominati f'dollari Amerikani, billi l-valur tas-suq tagħhom kien affettwat b’mod pożittiv miż-żieda tar-rendiment fuq il-bonds denominati f’dollari Amerikani matul is-sena.

Ċart 16

Riżultati realizzati u valutazzjonijiet negattivi

(miljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Barra minn hekk, ammont ta’ €84 miljun ġie rilaxxat mill-provvediment ta’ riskju ġenerali tal-BĊE għall-Kont ta’ Profitt u Telf fil-31 ta’ Diċembru 2019 sabiex jikkonforma mal-limitu massimu ġenerali ta’ provvediment ta' riskju kif definit mill-kapital imħallas tal-BĊN taż-żona (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi finanzjarji”).

L-ispejjeż operattivi totali tal-BĊE, inkluż id-deprezzament u s-servizzi tal-produzzjoni tal-karti tal-flus, żdiedu bi €42 miljun għal €1,156 miljun (ara ċ-Ċart 17). Iż-żieda meta mqabbla mal-2018 hija dovuta l-aktar għal spejjeż ogħla tal-persunal bħala riżultat ta’ (i) numru medju ogħla ta’ persunal fl-2019, prinċipalment fis-superviżjoni bankarja, u (ii) l-ispiża ogħla fir-rigward ta’ benefiċċji oħra fit-tul, l-aktar minħabba r-rata ta’ skont aktar baxxa użata għall-valutazzjoni attwarja fl-aħħar tal-2019. Minħabba l-implimentazzjoni tal-politika l-ġdida għall-kirjiet fl-2019, l-ispejjeż tal-kiri relatati mal-kirjiet, li qabel kienu rikonoxxuti taħt spejjeż amministrattivi, issa huma rreġistrati bħala deprezzament. Bħala riżultat, l-ispejjeż amministrattivi kienu inqas, filwaqt li l-ispiża ta’ deprezzament kienet ogħla mis-sena ta’ qabel. L-ispejjeż amministrattivi naqsu wkoll minħabba spejjeż aktar baxxi relatati mal-persunal tal-aġenzija u l-appoġġ estern għall-konsulenza.

L-ispejjeż relatati mas-superviżjoni bankarja huma koperti għalkollox permezz ta’ tariffi imposti fuq l-entitajiet taħt superviżjoni[12].

Ċart 17

Spejjeż operattivi u tariffi superviżorji

(miljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.
Noti: L-ispejjeż operattivi jinqasmu bejn is-servizzi ta’ bank ċentrali u s-superviżjoni bankarja. L-ispejjeż tas-servizzi kondiviżi pprovduti mill-oqsma ta’ ħidma ta’ appoġġ tal-BĊE ġew allokati fost dawn iż-żewġ kategoriji. Dawn is-servizzi kondiviżi jiġu pprovduti mill-oqsma ta’ ħidma eżistenti ta' appoġġ tal-BĊE, inklużi bini, ġestjoni tar-riżorsi umani, servizzi amministrattivi, baġit u kontroll, kontabilità, servizzi legali, komunikazzjoni u traduzzjoni, verifika interna, statistika u servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

1.4 Ġestjoni tar-riskju

Il-ġestjoni tar-riskju hi parti kritika tal-attivitajiet tal-BĊE u titwettaq permezz ta’ proċess kontinwu ta' (i) identifikazzjoni u valutazzjoni tar-riskji, (ii) analiżi tal-istrateġija u l-politika tar-riskju, (iii) l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet li jtaffu r-riskju, u (iv) sorveljanza u rappurtar tar-riskju, kollha azzjonijiet sostnuti b’metodoloġiji, proċessi u sistemi effettivi.

Figura 1

Ċiklu tal-ġestjoni tar-riskju

Il-BĊE huwa espost għal riskji kemm finanzjarji kif ukoll operattivi. Is-sezzjonijiet li ġejjin jiffokaw fuq dawn ir-riskji, is-sorsi tagħhom u l-oqfsa applikabbli tal-kontroll tar-riskju.

1.4.1 Riskji finanzjarji

Il-Bord Eżekuttiv jipproponi politika u proċeduri li jiżguraw livell xieraq ta' protezzjoni kontra r-riskji finanzjarji li l-BĊE hu espost għalihom. Il-Kumitat tal-Ġestjoni tar-Riskju (RMC), li jinkludi esperti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema, jikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għas-sorveljanza u l-kejl ta’, u r-rappurtar dwar riskji finanzjarji relatati mal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema, u jiddefinixxi u jeżamina mill-ġdid il-metodoloġiji u l-oqfsa assoċjati. B’dan il-mod, l-RMC jgħin lill-korpi deċiżjonali biex jiġi żgurat livell xieraq ta’ protezzjoni għall-Eurosistema.

Ir-riskji finanzjarji jiġu mill-attivitajiet ewlenin tal-BĊE u mill-iskoperturi assoċjati. L-oqfsa u l-limiti tal-kontroll tar-riskju li juża l-BĊE biex jamministra l-profil tar-riskju tiegħu f’kull tip ta’ operazzjoni, jirriflettu l-għanijiet tal-politika jew tal-investiment tad-diversi portafolli kif ukoll il-karatteristiċi tar-riskju tal-assi bażi.

Biex jissorvelja u jivvaluta r-riskji, il-BĊE juża għadd ta' metodi tekniċi ta’ valutazzjoni tar-riskju żviluppati internament. Dawn il-metodi tekniċi huma bbażati fuq qafas konġunt ta’ simulazzjoni tar-riskji tas-suq u tal-kreditu. Il-kunċetti, it-teknika u l-konġetturi tal-mudelli ewlenin li jiffurmaw il-bażi tal-miżuri tar-riskju jużaw standards tal-industrija u dejta tas-suq disponibbli. Ir-riskji huma kwantifikati tipikament bl-iżbilanċ mistenni (ES),[13] stmat fil-livell ta' fiduċja ta’ 99%, fuq perijodu ta’ sena. Jintużaw żewġ metodi għall-kalkolu tar-riskji: (i) il-metodu tal-kontabilità, fejn il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni tal-BĊE jitqiesu bħala bafer fl-istimi tal-kalkolu tar-riskju skont ir-regoli applikabbli kollha tal-kontabilità; u (ii) il-metodu finanzjarju, fejn il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni ma jitqiesux bħala bafer fil-kalkolu tar-riskju. Il-BĊE jikkalkola wkoll miżuri oħra tar-riskju fuq livelli differenti ta’ fiduċja, jagħmel analiżijiet ta’ sitwazzjonijiet ta’ sensittività u stress, u jivvaluta tbassir fit-tul tal-iskoperturi u d-dħul biex dejjem ikollu stampa komprensiva tar-riskji.[14]

Ir-riskji totali tal-BĊE naqsu matul is-sena. Fl-aħħar tal-2019, ir-riskji finanzjarji totali għall-portafolli tal-BĊE kollha flimkien, kif imkejlin bl-ES f’livell ta’ fiduċja ta’ 99% fuq perijodu ta’ sena skont il-metodu tal-kontabilità, kienu ta’ €8.1 biljun, li kien €1.1 biljun iżjed baxx mir-riskji stmati fil-31 ta’ Diċembru 2018. It-tnaqqis jirrifletti riskju aktar baxx tal-munita u tar-rata tal-imgħax fil-portafolli tal-investiment tal-BĊE, titjib fil-kwalità tal-kreditu tat-titoli miżmuma fil-portafolli tal-BĊE u fidi ta’ titoli miżmuma taħt l-SMP, is-CBPP1 u s-CBPP2.

Ir-riskju għall-kreditu jiġi mill-portafolli tal-politika monetarja tal-BĊE, mill-portafoll tal-fondi proprji tiegħu u mill-investimenti tar-riżervi barranin tiegħu. Waqt li t-titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja jiġu valutati b’kost amortizzat soġġett għal indeboliment u għalhekk, fin-nuqqas ta’ bejgħ, mhumiex soġġetti għal bidliet fil-prezzijiet assoċjati ma’ migrazzjoni tal-kreditu, xorta waħda huma soġġetti għal riskju ta’ inadempjenza tal-kreditu. Il-fondi proprji denominati f’euro u r-riżervi barranin jiġu valutati bil-prezz tas-suq u, bħala tali, huma soġġetti għar-riskju tal-migrazzjoni tal-kreditu u tal-inadempjenza. Ir-riskju tal-kreditu naqas paragunat mis-sena ta’ qabel minħabba titjib fil-kwalità tal-kreditu ta’ bosta djun sovrani Ewropej u fidi fl-investimenti SMP.

Ir-riskju tal-kreditu jittaffa l-iżjed permezz tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta u l-limiti li jvarjaw fil-portafolli kollha.

Ir-riskji tal-munita u tal-materja prima jiġu mill-investimenti tal-BĊE f’munita barranija u f’deheb. Ir-riskju tal-munita naqas meta mqabbel mas-sena ta’ qabel minħabba kontijiet ta’ rivalutazzjoni ogħla, li jaġixxu bħala bafers kontra ċaqliq negattiv tar-rata tal-kambju u l-prezz tad-deheb.

Minħabba r-rwol ta’ dawn l-assi fil-politika, il-BĊE ma jfittix li jelimina r-riskji relatati mal-munita u l-materja prima. Minflok, dawn ir-riskji jittaffew permezz tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni eżistenti u d-diversifikazzjoni tal-investimenti fil-muniti differenti u d-deheb.

Ir-riżervi barranin tal-BĊE u l-fondi proprji denominati f’euro jiġu investiti l-iżjed f’titoli bi dħul fiss u huma soġġetti għar-riskju tar-rata tal-imgħax valutat skont is-suq, billi jiġu valutati bil-prezzijiet tas-suq. L-investiment tar-riservi barranin tal-BĊE huma prinċipalment investiti f'assi b'maturità relattivament qasira (ara ċ-Ċart 6 fit-Taqsima 1.3.1 “Karta tal-Bilanċ”), filwaqt li l-assi fil-portafoll tal-fondi proprji ġeneralment għandhom maturitajiet itwal (ara ċ-Ċart 8 fit-Taqsima 1.3.1 “Karta tal-Bilanċ”). Dan il-komponent tar-riskju, kif imkejjel skont l-approċċ tal-kontabilità, naqas meta mqabbel mal-2018 li jirrifletti l-iżviluppi fil-kundizzjonijiet tas-suq.

Ir-riskju tar-rata tal-imgħax valutat skont is-suq jittaffa permezz tal-politika tal-allokazzjoni tal-assi u l-kontijiet ta' rivalutazzjoni.

Il-BĊE hu soġġett ukoll għar-riskju tar-rata tal-imgħax li jirriżulta mid-diskrepanza bejn ir-rata tal-imgħax li jdaħħal fuq l-assi tiegħu u r-rata tal-imgħax li jħallas fuq l-obbligazzjonijiet tiegħu, u dan għandu impatt fuq id-dħul nett tiegħu mill-imgħax. Dan ir-riskju mhuwiex marbut direttament ma’ xi portafoll partikolari, iżda pjuttost mal-istruttura tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE kollha kemm hi, u b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ diskrepanzi fil-maturità u r-redditu bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet. Huwa mmonitorjat permezz ta’ tbassir tal-profittabilità tal-BĊE li jindika li l-BĊE huwa mistenni li jkompli jaqla’ d-dħul mill-imgħax nett fis-snin li ġejjin.

Din ix-xorta ta’ riskju tiġi amminstrata permezz tal-politika tal-allokazzjoni ta’ assi u tittaffa ulterjorment bl-eżistenza ta’ obbligazzjonijiet mhux remunerati fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE.

1.4.2 Riskju operattiv

L-amministrazzjoni tar-riskju operattiv tal-BĊE[15] (ORM) tkopri kull riskju mhux finanzjarju.

Il-Bord Eżekuttiv hu responsabbli għal, u japprova l-politika u l-qafas ORM tal-BĊE. Il-Kumitat għar-Riskju operattiv (ORC) jgħin lill-Bord Eżekuttiv fil-qadi tar-rwol tiegħu fis-sorveljanza tal-ġestjoni tar-riskji operazzjonali. L-ORM hu parti integrali tal-istruttura tal-governanza[16] u l-proċessi ta’ ġestjoni tal-BĊE.

L-għan ewlieni tal-qafas ORM tal-BĊE hu li jagħti kontribut biex jiżgura li l-BĊE jilħaq il-missjoni u l-għanijiet tiegħu, waqt li jħares ir-reputazzjoni u l-assi tiegħu kontra t-telf, l-użu ħażin u d-danni. Fil-qafas tal-ORM, kull qasam ta’ ħidma hu responsabbli biex jidentifika, jivvaluta, jirreaġixxi għal, jirrapporta dwar u jissorvelja r-riskji, l-inċidenti u l-kontrolli operattivi tiegħu. F’dan il-kuntest, il-politika tal-BĊE relatata mat-tolleranza tar-riskju tipprovdi gwida fir-rigward tal-istrateġiji ta’ reazzjoni għar-riskju u l-proċeduri ta’ aċċettazzjoni tar-riskju. Hi marbuta ma’ matriċi ta’ riskju ta’ ħamsa b’ħamsa abbażi ta’ skali ta’ gradazzjoni tal-impatt u l-probabbiltà bl-applikazzjoni ta’ kriterji kwantitattivi u kwalitattivi.

L-ambjent li fih jopera l-BĊE hu espost għal theddid dejjem iktar kumpless u hemm firxa wiesgħa ta’ riskji operattivi assoċjati mal-attivitajiet ta' kuljum tal-BĊE. L-oqsma ewlenin ta’ tħassib għall-BĊE jinkludu firxa wiesgħa ta’ riskji mhux finanzjarji li jirriżultaw minn nies, informazzjoni, sistemi, proċessi u fornituri esterni ta’ partijiet terzi. Konsegwentement, il-BĊE stabbilixxa proċessi biex jiffaċilita ġestjoni kontinwa u effettiva tar-riskji operazzjonali tiegħu u biex jintegra l-informazzjoni dwar ir-riskju fil-proċess deċiżjonali. Barra minn hekk, il-BĊE jiffoka fuq it-titjib tal-kapaċità ta’ rkupru tiegħu. Bħala tali, ġew stabbiliti strutturi ta’ reazzjoni u pjani ta’ kontinġenza biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tan-negożju f’każ ta’ xi tfixkil.

2 Rapporti finanzjarji tal-BĊE

2.1 Karta tal-Bilanċ sal-31 ta’ Diċembru 2019

Noti: It-totali fir-rapporti finanzjarji u fit-tabelli inklużi fin-noti jistgħu ma jaqblux minħabba żieda/tnaqqis sal-eqreb euro. Iċ-ċifri 0 u (0) jindikaw ammonti pożittivi jew negattivi mqarrba għal żero, waqt li s-sing (-) jindika żero.

2.2 Kont tal-Profitt u t-Telf għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2019

Frankfurt am Main, 11 ta’ Frar 2020
Bank Ċentrali Ewropew

Christine Lagarde
President

2.3 Politika tal-kontabilità

Forma u preżentazzjoni tar-rapporti finanzjarji

Ir-rapporti finanzjarji tal-BĊE tfasslu skond il-Politika tal-Kontabilità li ġejjin,[17] li l-Kunsill Governattiv tal-BĊE jikkunsidra li tinkiseb preżentazzjoni ġusta tar-rapporti finanzjarji, li jirriflettu fl-istess ħin in-natura tal-attivitajiet tal-bank ċentrali.

Prinċipji tal-kontabilità

Ġew applikati l-prinċipji tal-kontabilità li ġejjin: realtà u trasparenza ekonomika, prudenza, għarfien ta’ avvenimenti post karta tal-bilanċ, materjalità, negozju avvjat, prinċipju tad-dovuti, konsistenza u komparabbiltà.

Rikonoxximent tal-assi u l-obbligazzjonijiet

L-assi jew l-obbligazzjonijiet jidhru fil-Karta tal-Bilanċ biss meta x’aktarx li kull benefiċċju ekonomiku futur marbut magħhom jgħaddi għal għand, jew mingħand, il-BĊE, meta r-riskji u l-gwadanji sostanzjalment kollha assoċjati magħhom ikunu ġew trasferiti lill-BĊE, u meta l-prezz jew il-valur tal-assi jew l-ammont tal-obbligazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kalkulati b’mod affidabbli.

Bażi tal-kontabilità

Il-kontijiet tħejjew abbażi tal-kost storiku, immodifikat biex jinkludi l-valutazzjoni tas-suq tat-titoli negozjabbli (barra dawk miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja), tad-deheb u tal-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi minnha denominati f’munita barranija.

It-tranżazzjonijiet f’assi u obbligazzjonijiet finanzjarji jidhru fil-kontijiet bid-data meta jkunu ġew konklużi.

Bl-eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet spot f’titoli, it-tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji denominati f’munita barranija jidħlu fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ bid-data ta’ meta jkunu saru. Fid-data tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni, l-entrati esklużi mill-karta tal-bilanċ jiġu riversjati u t-tranżazzjonijiet jiddaħħlu fil-karta tal-bilanċ. Ix-xiri u l-bejgħ ta’ munita barranija jaffettwa l-pożizzjoni netta f’munita barranija fid-data ta’ meta jkun sar, u r-riżultati realizzati mill-bejgħ jiġu kalkulati f’din id-data wkoll. L-imgħax, il-primjums u l-iskontijiet dovuti relatati mal-istrumenti finanzjarji denominati f’munita barranija jiġu kalkulati u jidħlu fil-kontijiet kuljum, u l-pożizzjoni f’munita barranija wkoll tiġi affettwata kuljum minn dawn id-dovuti.

Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija

L-assi u l-obbligazzjonijiet denominati f’munita barranija jinqalbu f’euro bir-rata tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ. Id-dħul u l-ispejjeż jinqalbu bir-rata tal-kambju tad-data meta jidħlu fil-kontijiet. Ir-rivalutazzjoni ta’ assi u obbligazzjonijiet tal-kambju, fosthom strumenti inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi minnha, issir għal kull munita individwali.

Ir-rivalutazzjoni bil-prezz tas-suq ta’ assi u obbligazzjonijiet denominati f’munita barranija tinħadem b’mod separat mir-rivalutazzjoni tar-rata tal-kambju.

Id-deheb jiġi valutat bil-prezz tas-suq prevalenti fid-data tal-karta tal-bilanċ. Ma ssir ebda distinzjoni bejn id-differenzi fir-rivalutazzjoni tal-prezz u tal-munita fil-każ tad-deheb. Minflok, tidħol fil-kontijiet valutazzjoni waħda għad-deheb abbażi tal-prezz f’euro għal kull uqija fina ta’ deheb li, għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2019, inħadmet bir-rata tal-kambju tal-euro mad-dollaru Amerikan fit-31 ta’ Diċembru 2019.

Id-dritt speċjali ta’ kreditu (SDR) jiġi definit f’termini ta’ basket ta’ muniti u l-valur tiegħu jiġi determinat mis-somma ppeżata tar-rati tal-kambju ta’ ħames muniti kbar (id-dollaru Amerikan, l-euro, ir-renminbi Ċiniż, il-yen Ġappuniż u l-lira sterlina). L-investimenti tal-BĊE f’SDRs ġew konvertiti f’euro bir-rata tal-kambju ta’ euro għal kull SDR sal-31 ta’ Diċembru 2019.

Titoli

Titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja
It-titoli miżmumin attwalment għall-għanijiet tal-politika monetarja jidħlu fil-kontijiet b’kost amortizzat suġġett għal indeboliment.

Titoli oħra
It-titoli negozjabbli (barra dawk miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja) u assi simili jiġu valutati jew bil-prezzijiet medji tas-suq jew abbażi tal-kurva tar-rendimenti rilevanti fid-data tal-karta tal-bilanċ, għal kull titolu individwali. L-opzjonijiet inkorporati fit-titoli ma jiġux separati għall-għanijiet tal-valutazzjoni. Għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2019, intużaw il-prezzijiet medji tas-suq tat-30 ta’ Diċembru 2019. Ishma illikwidi ta’ ekwità u strumenti oħra ta’ ekwità miżmumin bħala investimenti permanenti jiġu valutati bil-prezz tal-akkwist suġġett għal indeboliment.

Rikonoxximent tad-dħul

Id-dħul u l-ispejjeż huma rrikonoxxuti fil-perjodu meta jkun daħal jew saret l-ispiża.[18] Il-qligħ u t-telf realizzat li jsir mill-bejgħ ta’ munita barranija, deheb u titoli jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf. Dan il-qligħ u t-telf realizzat jiġi kalkulat b’referenza għall-prezz medju tal-assi rispettivi.

Il-qligħ mhux realizzat ma jiġix rikonoxxut bħala dħul u jiġi trasferit direttament f’kont ta’ rivalutazzjoni.

It-telf mhux realizzat jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf jekk, fl-aħħar tas-sena, ikun ikbar mill-qligħ tar-rivalutazzjoni preċedenti li jkun iddaħħal fil-kont ta’ rivalutazzjoni rispettiv. Dan it-telf mhux realizzat minn titolu jew munita individwali jew mid-deheb ma jiġix innettjat mal-qligħ mhux realizzat minn titoli jew muniti oħra jew mid-deheb. Fil-każ li dan it-telf mhux realizzat minn xi partita jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf, il-prezz medju ta’ din il-partita jitnaqqas bir-rata tal-kambju jew bil-prezz tas-suq tal-aħħar tas-sena. It-telf mhux realizzat fuq is-swaps tar-rati tal-imgħax li jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf fi tmiem is-sena jiġi amortizzat fis-snin ta’ wara.

It-telf mill-indeboliment jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf u ma jiġix riversjat fis-snin ta’ wara ħlief jekk l-indeboliment jonqos u t-tnaqqis jista’ jiġi relatat ma’ avveniment osservabbli li jseħħ wara li l-indeboliment ikun iddaħħal fil-kontijiet għall-ewwel darba.

Primjums jew skontijiet fuq titoli jiġu amortizzati fuq il-bqija tal-ħajja kuntrattwali tat-titoli.

Tranżazzjonijiet riversjati

It-tranżazzjonijiet riversjati huma operazzjonijiet li bihom il-BĊE jixtri jew ibigħ assi bi ftehim ta’ riakkwist jew jagħmel operazzjonijiet ta’ kreditu bil-kollateral.

Fi ftehim ta’ riakkwist, it-titoli jinbiegħu bi flus kontanti bi ftehim li jsir fl-istess ħin biex jerġgħu jinxtraw mingħand il-kontroparti bi prezz miftiehem f’data stabbilita fil-ġejjieni. Kull ftehim ta’ riakkwist jidħol fil-kontijiet bħala depożitu kollateralizzat fuq in-naħa tal-passiv tal-Karta tal-Bilanċ. It-titoli li jinbiegħu bi ftehim bħal dan jibqgħu jidhru fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE.

Fi ftehim ta’ riakkwist riversjat, it-titoli jinxtraw bi flus kontanti bi ftehim li jsir fl-istess ħin biex jerġgħu jinbiegħu lill-kontroparti bi prezz miftiehem f’data stabbilita fil-ġejjieni. Kull ftehim ta’ ri-akkwist riversjat jidħol fil-kontijiet bħala self kollateralizzat fuq in-naħa tal-attiv tal-Karta tal-Bilanċ iżda ma jiġix inkluż fl-investimenti tal-BĊE f’titoli.

It-tranżazzjonijiet riversjati (fosthom tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli) li jsiru fi programm offrut minn istituzzjoni speċjalizzata jidħlu fil-Karta tal-Bilanċ biss meta jiġi provdut kollateral fi flus kontanti u dawn il-flus kontanti jibqgħu ma jiġux investiti.

Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ

L-istrumenti tal-munita, jiġifieri t-tranżazzjonijiet forward tal-kambju, il-forward legs tas-swaps tal-kambju u strumenti oħra tal-munita li jinvolvu l-kambju minn munita għall-oħra f’data fil-ġejjieni, jiġu inklużi fil-pożizzjoni netta tal-munita barranija biex jiġi kalkulat il-qligħ u t-telf mill-kambju.

L-istrumenti tar-rati tal-imgħax jiġu rivalutati individwalment. It-tibdil ta’ kuljum fil-marġni ta’ varjazzjoni tar-rata tal-imgħax ta’ kuntratti futures miftuħin kif ukoll is-swaps tar-rati tal-imgħax li jiġu klerjati permezz ta’ kontroparti ċentrali jidħlu fil-Kont tal-Profitt u t-Telf. Il-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet forward f’titoli u tas-swaps tar-rati tal-imgħax li ma jiġux klerjati permezz ta’ kontroparti ċentrali tinħadem mill-BĊE b’metodi ta’ valutazzjoni aċċettati b’mod ġenerali bi prezzijiet u rati osservabbli tas-suq kif ukoll b’fatturi ta’ skont mid-dati tal-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet sad-data tal-valutazzjoni.

Avvenimenti post karta tal-bilanċ

Il-valuri tal-assi u l-obbligazzjonijiet jiġu aġġustati għal avvenimenti li jseħħu bejn id-data tal-karta tal-bilanċ annwali u d-data meta l-Bord Eżekuttiv jawtorizza l-preżentazzjoni tal-Kontijiet Annwali tal-BĊE għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv, jekk dawn l-avvenimenti jaffettwaw materjalment il-kundizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet fid-data tal-karta tal-bilanċ.

Avvenimenti importanti post karta tal-bilanċ li ma jaffettwawx il-kundizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet fid-data tal-karta tal-bilanċ jidhru fin-noti.

Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema

Il-bilanċi fi ħdan is-SEBĊ jiġu primarjament mill-ħlasijiet transkonfinali fl-Unjjoni Ewropea (UE) li jiġu konklużi f’euro bi flus tal-banek ċentrali. Dawn it-tranżazzjonijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom isiru minn entitajiet privati (i.e. istituzzjonijiet ta’ kreditu, korporazzjonijiet u individwi). Jiġu konklużi fit-TARGET2 – Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system – u joħolqu bilanċi bilaterali fil-kontijiet tat-TARGET2 tal-banek ċentrali tal-UE. Dawn il-bilanċi bilaterali jiġu nettjati u mbagħad jiġu assenjati kuljum lill-BĊE, biex b'hekk kull bank ċentrali nazzjonali (BĊN) jibqa’ b’pożizzjoni singola bilaterali netta vis-à-vis il-BĊE biss. Pagamenti li jsiru mill-BĊE u li jiġu finalizzati fit-TARGET2 jaffetwaw ukoll il-pożizzjonijiet singoli bilaterali netti. Dawn il-pożizzjonijiet fil-kotba tal-BĊE jirrappreżentaw l-klejm jew l-obbligazzjoni netta ta’ kull BĊN kontra l-bqija tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-bilanċi fi ħdan l-Eurosistema tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE li jiġu mit-TARGET2, kif ukoll bilanċi oħra fi ħdan l-Eurosistema denominati f’euro (e.g. it-tqassim tal-qligħ interim tal-BĊE lill-banek ċentrali nazzjonali) jiġu preżentati fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE bħala pożizzjoni waħda netta tal-attiv jew tal-passiv u jidhru fi “Klejms oħra fl-Eurosistema (netti)” jew “Obbligazzjonijiet oħra fl-Eurosistema (netti)”. Il-bilanċi fi ħdan is-SEBĊ ta’ BĊN li mhumiex fiż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE, li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tagħhom fit-TARGET2,[19] huma żvelati taħt “Obbligazzjonijiet lejn residenti mhux fiż-żona tal-euro denominati f’euro”.

Il-bilanċi fi ħdan l-Eurosistema mill-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema jidħlu bħala attiv wieħed nett fi “Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema” (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” iktar ‘l isfel).

Il-bilanċi fi ħdan l-Eurosistema mit-trasferiment ta’ assi f’riżervi barranin lill-BĊE mill-banek ċentrali nazzjonali li jissieħbu fl-Eurosistema huma denominati f’euro u jidħlu f’“Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin”.

Assi fissi

Assi fissi, fosthom assi intanġibbli, iżda bl-eċċezzjoni tal-artijiet u x-xogħlijiet tal-arti, jiġu valutati bil-prezz tal-akkwist li minnu jitnaqqas id-deprezzament. L-artijiet u x-xogħlijiet tal-arti jiġu valutati bil-prezz tal-akkwist. Il-bini prinċipali tal-BĊE hu valutat bil-prezz tal-ispiża bid-deprezzament imnaqqas u soġġett għall-indeboliment. Għad-deprezzament tal-bini ewlieni tal-BĊE, l-ispejjeż jiġu assenjati lill-komponenti xierqa tal-assi li jiġu deprezzati skont il-kalkolu tal-ħajja utli tagħhom. Id-deprezzament jiġi kalkolat bil-metodu straight-line matul il-ħajja utli mistennija tal-assi, mit-trimestru wara li l-assi jkunu disponibbli għall-użu. Il-ħajja utli applikata għall-kategoriji ewlenin ta’ assi tidher hawn taħt:

Il-perjodu ta’ deprezzament għan-nefqa kapitalizzata fuq it-tiġdid tal-bini relatata mal-bini mikri bħalissa mill-BĊE ġie aġġustat biex jitqiesu l-avvenimenti li jkollhom impatt fuq il-ħajja utli mistennija tal-assi affettwati.

Il-BĊE jwettaq test ta’ indeboliment annwali tal-bini prinċipali tiegħu u assi għad-dritt tal-użu relatati mal-bini tal-uffiċċji (ara "Kirjiet" iktar ‘l isfel), ibbażat fuq l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 36 "Indeboliment ta’ assi”. Jekk jiġi identifikat indikatur tal-indeboliment li juri li l-assi jista’ jkun fi stat ta’ indeboliment, issir stima tal-ammont rekuperabbli. Telf minħabba indeboliment jiġi reġistrat fil-Kont tal- Qligħ u t-Telf jekk l-ammont rekuperabbli jkun inqas mill-valur nett deprezzat.

Assi fissi li jqumu inqas minn €10,000 jiġu kanċellati fis-sena tal-akkwist.

Assi fissi li jikkonformaw mal-kriterji ta’ kapitalizzazzjoni iżda li jkunu għadhom qegħdin jinbnew jew jiġu żviluppati jidħlu taħt l-intestatura “Assi li qegħdin jinbnew”. L-ispejjeż relatati jiġu trasferiti fl-intestaturi rilevanti tal-assi fissi meta l-assi jsiru disponibbli biex jintużaw.

Kiri

Għall-kirjiet kollha li jinvolvu assi tanġibbli, l-assi marbut mad-dritt tal-użu u r-responsabbiltà għall-kiri huma rikonoxxuti fuq il-Karta tal-Bilanċ fid-data tal-bidu tal-kera, u inklużi taħt “Assi fissi tanġibbli u intanġibbli” u “Varji (obbligazzjonijiet)”, rispettivament.

Assi marbuta mad-dritt tal-użu jiġu vvalutati fil-kost bid-deprezzament imnaqqas. Barra minn hekk, assi tad-dritt tal-użu relatati ma’ bini ta’ uffiċini huma wkoll soġġetti għal indeboliment (fir-rigward ta’ test ta’ indeboliment annwali ara “Assi fissi” iktar ‘l fuq). Id-deprezzament hu kkalkolat fuq bażi dritta mid-data tal-bidu sa jew it-tmiem tal-ħajja utli tal-assi ta’ dritt tal-użu jew it-tmiem tal-perjodu tal-kiri, liema jiġi l-ewwel.

Ir-responsabbiltà tal-kera hija inizjalment imkejla bil-valur preżenti tal-ħlasijiet futuri tal-kera (li jinkludu biss komponenti tal-kiri), skontati bl-użu tar-rata inkrementali tas-self tal-BĊE. Sussegwentement, ir-responsabbiltà tal-kiri titkejjel bi spiża amortizzata bl-użu tal-metodu ta’ interess effettiv. L-ispiża relatata mal-imgħax hija rreġistrata fil-Kont tal-Profitt u Telf taħt “Spejjeż oħra tal-imgħax”. Meta jkun hemm bidla fil-pagamenti ta’ kiri futuri li jirriżultaw minn bidla f’indiċi jew rivalutazzjoni oħra tal-kuntratt eżistenti, ir-responsabbiltà tal-kera tiġi mkejla mill-ġdid. Kull kejl mill-ġdid bħal dan jirriżulta f'aġġustament korrispondenti għall-ammont miżmum fil-kotba tal-assi ta’ dritt tal-użu.

Kiri għal żmien qasir b’tul ta’ 12-il xahar jew inqas u kirjiet ta’ assi ta’ valur baxx taħt €10,000 (konsistenti mal-limitu użat għar-rikonoxximent ta’ assi fissi) huma rreġistrati bħala spiża fil-Kont tal-Profitt u Telf.

Il-benefiċċji tal-BĊE ta’ wara l-impjieg, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni

Il-BĊE jħaddem skemi ta’ benefiċċji definiti għall-persunal tiegħu u għall-membri tal-Bord Eżekuttiv, kif ukoll għall-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE.

L-iskema ta’ pensjoni tal-persunal hija finanzjata b’assi miżmumin f’fond ta’ benefiċċji fit-tul għall-impjegati. Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji li jsiru mill-BĊE u l-persunal huma riflessi fl-istruttura ta’ benefiċċji definiti tal-iskema. Il-persunal jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet addizzjonali fuq bażi volontarja fi struttura ta’ kontribuzzjoni definita li jistgħu jintużaw biex jipprovdu benefiċċji addizzjonali.[20] Dawn il-benefiċċji addizzjonali jiġu kalkolati bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet volontarji flimkien mar-redditi mill-investiment li jiġu minn dawk il-kontribuzzjonijiet.

Hemm provvedimenti mhux finanzjati għall-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE. Għall-membri tal-persunal hemm provvedimenti mhux finanzjati għall-benefiċċji ta’ wara l-impjieg minbarra l-pensjonijiet u għal benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni.

Obbligazzjoni tal-benefiċċji definit nett
L-obbligazzjoni rikonoxxuta fil-Karta tal-Bilanċ fil-partita “Obbligazzjonijiet Varji” fir-rigward tal-iskemi tal-benefiċċji definiti, inklużi benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni, hi l-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji definiti fid-data tal-karta tal-bilanċ, li minnu jitnaqqas il-valur ġust tal-assi tal-iskema użati biex jiffinanzjaw l-obbligu.

L-obbligu tal-benefiċċji definiti jiġi kalkulat kull sena minn attwarji indipendenti bl-użu tal-metodu tal-unità ta’ kreditu prevista. Il-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji definiti jiġi kalkolat billi l-valutazzjoni tal-likwidità fil-ġejjieni tiġi skontata b’rata determinata b’referenza għar-redditi tas-suq fid-data tal-karta tal-bilanċ ta’ bonds korporattivi ta’ kwalità tajba denominati f’euro li jkollhom l-istess termini ta’ maturità bħal dawk tal-obbligu tal-pensjoni.

Il-qligħ u t-telf attwarjali jista’ jiġi minn aġġustamenti għall-esperjenza (fejn ir-riżultati attwali jkunu differenti mit-tbassir attwarjali li jkun sar qabel) u minn tibdil fit-tbassir attwarjali.

Kost nett tal-benefiċċju definit
L-ispiża netta tal-benefiċċji definiti tinqasam f’komponenti li jidħlu fil-Kont tal-Profitt u t-Telf u kalkoli ġodda fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg li jidħlu fil-“Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” tal-Karta tal-Bilanċ.

L-ammont nett li jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf jiġbor fih:

  1. l-ispiża tas-servizz kurrenti tal-benefiċċji definiti dovuti għal dik is-sena;
  2. l-ispiża tas-servizz tal-imgħoddi tal-benefiċċji definiti li tirriżulta minn emenda fl-iskema;
  3. l-imgħax nett bir-rata ta’ skont fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti;
  4. kalkoli ġodda fir-rigward ta’ benefiċċji fit-tul oħrajn u benefiċċji tat-terminazzjoni ta' tul ta' żmien, jekk ikun hemm, fl-intier tagħhom.

L-ammont nett li jidher fil-“Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” jinkludi l-partiti li ġejjin:

  1. il-qligħ u t-telf attwarjali fuq l-obbligu tal-benefiċċji definiti;
  2. ir-redditu attwali fuq l-assi tal-iskema, minbarra l-ammonti inklużi fl-imgħax nett fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti;
  3. kwalunkwe tibdil fl-effett tal-limitu massimu tal-assi, minbarra l-ammonti inklużi fl-imgħax nett fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti.

Dawn l-ammonti jiġu valutati kull sena minn attwarji indipendenti biex jiġi stabbilit il-passiv xieraq fir-rapporti finanzjarji.

Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, li flimkien jagħmlu l-Eurosistema, joħorġu l-karti tal-euro.[21] It-total tal-valur tal-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jiġi allokat lill-banek ċentrali tal-Eurosistema fl-aħħar jum tax-xogħol ta’ kull xahar skont l-iskema tal-allokazzjoni tal-karti tal-flus.[22]

Il-BĊE ġie allokat sehem ta’ 8% tal-valur totali tal-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, li jidher fil-Karta tal-Bilanċ fil-partita tal-passiv “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni”. Is-sehem tal-BĊE mill-ħruġ totali ta’ karti tal-euro huwa kopert bi klejms mal-banek ċentrali nazzjonali. Dawn il-klejms, li jrendu l-imgħax,[23] jidhru fis-subpartita “Klejms fi ħdan l-Eurosistema: klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema” (ara “Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema” iktar ‘l fuq). Id-dħul mill-imgħax fuq dawn il-klejms jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf fil-partita “Dħul mill-imgħax tal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema”.

Tqassim tal-qligħ interim

Ammont li jkun daqs id-dħul tal-BĊE mill-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul mit-titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja (a) fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli, (b) fit-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti, (c) fil-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi, u (d) fil-programm ta’ xiri ta’ assi mis-settur pubbliku jitqassam f’Jannar tas-sena ta’ wara permezz ta’ tqassim tal-qligħ interim, sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix mod ieħor.[24] Jitqassam kollu sakemm ma jkunx ogħla mill-qligħ nett tal-BĊE għal dik is-sena, u suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li jagħmel trasferimenti fil-provvediment għar-riskji finanzjarji. Il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi wkoll li jnaqqas l-ammont tad-dħul fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni li għandu jitqassam f'Jannar bl-ammont tal-ispejjeż imġarrbin mill-BĊE b'konnessjoni mal-ħruġ u l-ipproċessar tal-karti tal-flus tal-euro.

Bidliet fil-politika tal-kontabilità

Sal-aħħar tal-2018 il-BĊE rreġistra spejjeż relatati ma’ kuntratti ta’ kiri taħt “Spejjeż Amministrattivi” fil-Kont tal-Profitt u Telf kemm dam il-kuntratt. Wara l-ħruġ tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) 16-il “Kirja”, il-BĊE immodifika l-politika tal-kontabilità tiegħu mill-1 ta’ Jannar 2019. Fl-applikazzjoni inizjali, il-BĊE vvaluta mill-ġdid il-kuntratti kollha tal-kiri li jinvolvu assi fissi biex jiddetermina jekk jissodisfawx id-definizzjoni ta’ kiri skont il-politika l-ġdida tal-kontabilità. Il-kirjiet identifikati ġew rikonoxxuti bl-użu ta’ approċċ retrospettiv modifikat, li skont dan l-assi ta' dritt tal-użu huwa ugwali għall-obbligazzjoni relatata għall-kiri. Bħala riżultat, l-informazzjoni komparattiva ma ġietx imtennija.

L-assi u l-obbligazzjonijiet riżultanti għall-użu tad-dritt li jirriżultaw rikonoxxuti fuq il-Karti tal-Bilanċ sal-1 ta’ Jannar 2019 taħt “Assi fissi tanġibbli u intanġibbli” u “Varji (obbligazzjonijiet)” huma kif ġej:

L-ispejjeż relatati jiġu rreġistrati fil-Kont tal-Profitt u Telf taħt “Spejjeż oħra ta’ imgħax” u “Deprezzament ta’ assi fissi tanġibbli u intanġibbli”.

Affarijiet oħra

Skont l-Artikolu 27 tal-Istatut tas-SEBĊ, u abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill Governattiv, il-Kunsill tal-UE approva l-ħatra ta’ Baker Tilly GmbH & Co. KG, Wirtschaftsprüfungsgesellschaft, Düsseldorf (Repubblika Federali tal-Ġermanja) bħala l-awdituri esterni tal-BĊE għal perijodu ta’ ħames snin sa tmiem is-sena finanzjarja 2022. Dan il-perijodu ta’ ħames snin jista’ jiġi estiż sa sentejn finanzjarji addizzjonali.

2.4 Noti dwar il-Karta tal-Bilanċ

Nota 1 - Deheb u ammonti riċevibbli f’deheb

Fil-31 ta’ Diċembru 2019 il-BĊE kellu 16,229,522 uqija[25] ta’ deheb fin, li l-valur tas-suq tiegħu kien jammonta għal €21,976 miljun (2018: €18,193 miljun). Fl-2019 ma saret ebda tranżazzjoni fid-deheb u l-investimenti tal-BĊE għalhekk baqgħu l-istess meta jitqabblu mal-livell tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2019. Iż-żieda fil-valur ekwivalenti f’euro ta’ dawn l-investimenti kien dovut għaż-żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f’termini ta' euro (ara “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3 “Politika ta’ kontabilità” u n-nota 14 “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni”).

Nota 2 - Klejms ma’ residenti barra ż-żona tal-euro u taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija

Nota 2.1 - Ammonti riċevibbli mill-FMI

Dan l-attiv jirrappreżenta l-investimenti tal-BĊE fi drittijiet speċjali ta’ kreditu (SDRs) u kien jammonta għal €710 miljun sal-31 ta’ Diċembru 2018 (2018: €692 miljun). Joħroġ mir-riżultat ta’ dispożizzjoni reċiproka mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ta’ xiri u bejgħ ta’ SDRs li biha l-FMI huwa awtorizzat jiddisponi l-bejgħ jew l-akkwist ta’ SDRs bl-euro, f’isem il-BĊE, f’limiti li jiddefinixxu l-anqas u l-ogħla investiment. Għall-għanijiet tal-kontabilità, l-SDRs jitqiesu bħala munita barranija (ara “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”). Iż-żieda fil-valur tal-investimenti tal-BĊE f’SDRs kienet dovuta għall-apprezzament tal-SDR mal-euro fl-2019 u l-imgħax fuq id-dħul irċevut matul is-sena.

Nota 2.2 - Bilanċi ma’ banek u investimenti f’titoli, self estern u assi esterni oħra; u klejms ma’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija

Dawn iż-żewġ partiti jikkonsistu f’bilanċi ma’ banek u self denominat f’munita barranija, u f’investimenti f’titoli denominati f’dollari Amerikani u yen Ġappuniżi u renminbi Ċiniżi.

Il-valur totali ta’ dawn l-oġġetti żdied fl-2019 minħabba l-investiment mill-ġdid tad-dħul riċevut matul is-sena, primarjament fuq il-portafoll tad-dollaru Amerikan, u l-apprezzament kemm tad-dollaru Amerikan kif ukoll tal-yen Ġappuniż kontra l-euro.

L-investimenti netti tal-BĊE f’munita barranija[26] sal-31 ta’ Diċembru 2019 kienu kif ġej:

Nota 3 - Klejms oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro

Fil-31 ta’ Diċembru 2019 din il-partita kienet tikkonsisti mill-bilanċi tal-kontijiet kurrenti ma’ residenti taż-żona tal-euro li kienu jammontaw għal €109 miljun (2018: €300 miljun).

Nota 4 - Titoli ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’euro

Nota 4.1 - Titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja

Fil-31 ta’ Diċembru 2019 din il-partita kienet tikkonsisti f’titoli akkwistati mill-BĊE fl-ambitu tat-tliet programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPPs), il-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP), il-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP) u l-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP).[27]

Xiri fl-ewwel CBPP kien finalizzat fit-30 ta’ Ġunju 2010, waqt li t-tieni CBPP spiċċa fil-31 ta’ Ottubru 2012. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jwaqqaf xiri SMP fis-6 ta’ Settembru 2012.

Fl-1 ta’ Novembru l-Eurosistema reġgħet bdiet ix-xiri nett tagħha taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi tagħna (APP)[28] b’pass ta’ kull xahar ta’ medja ta’ €20 biljun. Dan segwa perjodu ta’ għaxar xhur minn tmiem l-2018 li matulu l-Eurosistema investiet mill-ġdid, sħaħ, il-pagamenti prinċipali mit-titoli maturi mixtrija taħt l-APP. Il-Kunsill Governattiv jistenna li x-xiri jibqa’ jsir sakemm ikun meħtieġ biex insaħħu l-impatt tal-akkomodament tar-rati tal-politika tiegħu, u li jintemm ftit qabel jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu wkoll li jkompli l-investimenti mill-ġdid għal perijodu estiż ta’ żmien lil hinn mid-data meta il-Kunsill Governattiv jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta' likwidità u grad abbundanti ta’ akkomodament monetarju.

It-titoli akkwistati f’dawn il-programmi kollha jiġu valutati fuq bażi ta’ kost amortizzat suġġett għal indeboliment (ara “Titoli” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).

Il-kost amortizzat tat-titoli miżmumin mill-BĊE kif ukoll il-valur tas-suq tagħhom[29] (li ma jidħolx fil-Karta tal-Bilanċ jew fil-Kont tal-Qligħ u t-Telf u jingħata biss għall-finijiet ta’ tqabbil) huma kif ġej:

It-tnaqqis fil-valur tal-kost amortizzat tal-portafolli miżmumin fl-ewwel u t-tieni CBPPs u l-SMP kien dovut għall-fidi. It-tnaqqis fil-valur tal-kost amortizzat tat-titoli miżmuma taħt il-PSPP kien dovut għar-riżultat nett tal-amortizzazzjoni tal-primjums u l-iskontijiet, li aktar milli jikkumpensaw ix-xiri nett li sar fl-aħħar xahrejn tal-2019.

Il-Kunsill Governattiv jevalwa regolarment ir-riskji finanzjarji assoċjati mat-titoli miżmumin f’dawn il-programmi kollha.

It-testijiet tal-indeboliment isiru kull sena bl-użu ta’ dejta ta’ tmiem is-sena, u jiġu approvati mill-Kunsill Governattiv. F’dawn it-testijiet, l-indikaturi tal-indeboliment jiġu evalwati separatament għal kull programm. Fil-każijiet fejn l-indikaturi tal-indeboliment ġew osservati, saret analiżi oħra biex tikkonferma li l-flussi tal-likwidità tat-titoli ta’ bażi ma ġewx affettwati minn avveniment ta’ indeboliment. Skont ir-riżultati tat-testijiet tal-indeboliment ta’ din is-sena, ma ġie reġistrat ebda telf mill-BĊE fuq it-titoli miżmumin fil-portafolli tiegħu tal-politika monetarja fl-2019.

Nota 5 - Obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema

Nota 5.1 - Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema

Din il-partita tikkonsisti fil-klejms tal-BĊE vis-à-vis il-BĊN taż-żona tal-euro relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politiki ta’ kontabbiltà”) u li fil-31 ta’ Diċembru 2019 kienu jammontaw għal €103,420 miljun (2018: €98,490 miljun). Ir-remunerazzjoni ta’ dawn il-klejms tiġi kalkulata kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament[30] (ara n-nota 22.2 “Dħul mill-imgħax tal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema”).

Noti 6 - Assi oħrajn

Nota 6.1 - Assi fissi tanġibbli u intanġibbli

Dawn l-assi kienu jikkonsistu fl-oġġetti li jidhru hawn taħt fil-31 ta’ Diċembru 2019:

Sal-1 ta’ Jannar 2019 il-BĊE rrikonoxxa taħt bini tad-dritt tal-użu prinċipalment ta’ uffiċini mikrija u taħt tagħmir għad-dritt tal-użu faċilitajiet li joperaw ta’ bini relatati, kif ukoll tagħmir tal-uffiċċju u ieħor.

Fir-rigward tal-bini prinċipali tal-BĊE u uffiċini tad-dritt tal-użu, fl-aħħar tas-sena sar test tal-indeboliment u ma ġie reġistrat ebda telf minħabba indeboliment.

Noti 6.2 - Assi finanzjarji oħrajn

Din il-partita tikkonsisti l-aktar mill-investiment tal-fondi proprji tal-BĊE, miżmum bħala kontroparti diretta għall-kapital u r-riżervi, u l-provvediment għar-riskji tar-rata tal-kambju. Tinkludi wkoll 3,211-il sehem fil-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS) bil-prezz tal-akkwist ta’ €42 miljun.

Il-komponenti ta’ din il-partita huma kif ġej:

Iż-żieda netta f'din il-partita fl-2019 kienet dovuta l-aktar għall-investiment mill-ġdid tad-dħul mill-imgħax iġġenerat mill-portafoll tal-fondi proprji u għaż-żieda fil-valur tas-suq tat-titoli miżmumin f’dan il-portafoll

Nota 6.3 - Differenzi fir-rivalutazzjoni ta’ strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ

Din il-partita tikkonsisti f’tibdil fil-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2019 (ara n-nota 19 “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju”). Dawn il-bidliet fil-valutazzjoni ammontaw għal €619 miljun (2018: €578 miljun) u huma r-riżultat tal-konverżjoni ta' tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti tagħhom f’euro bir-rati tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ, imqabblin mal-valuri f’euro li jirriżultaw mill-konverżjoni tat-tranżazzjonijiet bil-prezz medju tal-munita barranija rispettiva f’dik id-data (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” u “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3, “Politika tal-kontabilità”).

Not 6.4 - Dovuti u spejjeż imħallsin bil-quddiem

Fil-31 ta’ Diċembru 2019 din il-partita kienet tammonta għal €2,572 miljun (2018: €2,738 miljun). Din il-partita kienet tinkludi primarjament l-imgħax tal-kupun dovut fuq it-titoli, inkluż l-imgħax pendenti mħallas mal-akkwist, li kien jammonta għal €2,431 miljun (2018: €2,589 miljun) (ara n-nota 2.2 “Bilanċi ma’ banek u investimenti f’titoli, self estern u assi esterni oħra; u klejms ma’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”, in-nota 4 “Titoli ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’euro” u n-nota 6.2 “Assi finanzjarji oħra”).

Barra minn hekk, din il-partita tinkludi (a) dħul dovut minn proġetti komuni tal-Eurosistema (ara n-nota 27, “Dħul ieħor”); (b) ħlasijiet varji bil-quddiem; u (c) dħul dovut mill-imgħax fuq assi finanzjarji u obbligazzjonijiet oħra.

Nota 6.5 - Varji

Fil-31 ta’ Diċembru 2019 din il-partita ammontat għal €2,221 miljun (2018: €2,039 miljun) kienet tinkludi primarjament l-ammont dovut tat-tqassim tal-qligħ interim tal-BĊE ta’ of €1,431 miljun (2018: €1,191 miljun) (ara “Tqassim tal-qligħ interim” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità” u n-nota 11.2, “Obbligazzjonijiet oħra fl-Eurosistema (netti)”).

Tinkludi wkoll bilanċi b’valur ta’ €757 miljun (2018: €567 miljun) relatati ma' tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2019 li rriżultaw mill-konverżjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet fl-ekwivalenti f’euro bil-prezz medju tal-munita rispettiva fid-data tal-karta tal-bilanċ, imqabblin mal-valuri f’euro li bihom it-tranżazzjonijiet daħlu fil-kontijiet għall-ewwel darba (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).

Fil-31 ta’ Diċembru 2018 din il-partita kienet tinkludi wkoll ammont ta' €244 miljun li jikkorrispondu mat-tariffi superviżorji annwali riċevibbli mill-entitajiet sorveljati, billi l-BĊE iffattura dawn it-tariffi lill-entitajiet taħt superviżjoni f'Diċembru 2018 b’data ta’ ħlas f’Jannar 2019. It-tariffi superviżorji għas-sena kurrenti ġew iffatturati f'Ottubru 2019 b’data ta’ żmien f’Diċembru 2019, u bħala riżultat il-maġġoranza nġabret fl-istess sena finanzjarja.

Nota 7 - Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni

Din il-partita tikkonsisti mis-sehem tal-BĊE (8%) mit-total ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”) u fil-31 ta’ Diċembru 2018 kienet tammonta għal €103,420 miljun (2018: €98,490 miljun).

Nota - 8 Obbligazzjonijiet oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom il-possibbiltà li jaċċettaw flus kontanti bħala kollateral fil-faċilitajiet tagħhom ta’ self ta’ titoli fil-PSPP, bla ma jkollhom jinvestuhom mill-ġdid. Fil-każ tal-BĊE, dawn l-operazzjonijiet isiru permezz ta’ istituzzjoni speċjalizzata.

Sat-Tlieta, 31 ta’ Diċembru 2019 il-valur pendenti ta’ tranżazzjonijiet bħal dawn ta’ self ta’ titoli PSPP li saru ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro kien ta’ €1,325 miljun (2018: €1,399 miljun). Il-flus kontanti aċċettati bħala kollateral ġew trasferiti f'kontijiet tat-TARGET2. Billi l-flus kontanti baqgħu ma ġewx investiti sa tmiem is-sena, dawn it-tranżazzjonijiet daħlu fil-Karta tal-Bilanċ (ara “Tranżazzjonijiet riversjati” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).[31]

Nota 9 - Obbligazzjonijiet ma’ residenti oħra taż-żona tal-euro denominati f’euro

Noti 9.1 - Obbligazzjonijiet oħrajn

Sat-Tlieta, 31 ta' Diċembru 2019, din il-pożizzjoni ammontat għal €20,466 miljun (2018: €9,152 miljun). Din il-partita tinkludi depożiti tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (ESM). Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tas-SEBC, il-BĊE jista’ jaġixxi bħala aġent fiskali għal istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, gvernijiet ċentrali, reġjonali, lokali jew awtoritajiet pubbliċi oħra, korpi oħra regolati bil-liġi pubblika, jew intrapriżi pubbliċi ta’ Stati Membri.

Din il-partita tinkludi wkoll depożiti jew pagamenti ta’ fondi aċċettati mill-BĊE u li jsiru minn jew f’isem il-parteċipanti fl-EURO1 u RT1[32] li jintużaw bħala fond ta' garanzija għall-EURO1 jew biex isostnu s-saldu fl-RT1.

Nota 10 - Obbligazzjonijiet ma’ residenti mhux taż-żona tal-euro denominati f’euro

Sat-Tlieta, 31 ta’ Diċembru 2019, din il-pożizzjoni ammontat għal €7,245 miljun (2018: €10,361 miljun). L-akbar komponent kien ammont ta’ €3,350 miljun (2018: €3,682 miljun) li jirriżulta mid-dispożizzjoni reċiproka permanenti tal-munita mal-Federal Reserve Bank of New York. B’din id-dispożizzjoni, il-Federal Reserve System tipprovdi dollari Amerikani lill-BĊE permezz ta’ tranżazzjonijiet swap biex jiġi provdut finanzjament f’dollari Amerikani għal żmien qasir lil kontropartijiet tal-Eurosistema. Il-BĊE jagħmel tranżazzjonijiet swap back-to-back simultanji mal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro li jużaw dawn il-fondi biex imexxu operazzjonijiet għall-provvediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani ma’ kontropartijiet fl-Eurosistema bħala tranżazzjonijiet riversjati. It-tranżazzjonijiet swap back-to-back joħolqu bilanċi fi ħdan l-Eurosistema bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali (ara n-nota 11.2 “Obbligazzjonijiet oħra fl-Eurosistema (netti)”). Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet swap li jsiru mal-Federal Reserve u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro joħolqu klejms u obbligazzjonijiet forward li jidħlu fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ (ara n-nota 19 “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju”).

Din il-partita kienet tinkludi wkoll ammont ta’ €3,271 miljun (2018: €4,619 biljun) li kien jikkonsisti f’bilanċi miżmumin mal-BĊE minn banek ċentrali barra ż-żona tal-euro li joħorġu minn, jew li huma l-kontroparti ta’, tranżazzjonijiet proċessati permezz tas-sistema TARGET2. It-tnaqqis f’dawn il-bilanċi fl-2019 kien dovut għal pagamenti minn residenti barra ż-żona tal-euro lil residenti taż-żona tal-euro.

Il-bqija ta’ din il-partita tikkonsisti minn ammont ta’ €625 miljun (2018: €2,059 miljun) minn tranżazzjonijiet pendenti ta’ self ta’ titoli fil-PSPP li saru ma’ residenti barra ż-żona tal-euro, fejn daħlu flus kontanti bħala kollateral u ġew trasferiti għall-kontijiet tat-TARGET2 (ara n-nota 8, “Obbligazzjonijiet oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro”).

Nota 11 - Obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema

Nota 11.1 - Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin

Dawn jirrappreżentaw l-obbligazzjonijiet ma' BĊN taż-żona tal-euro li oriġinaw mit-trasferiment ta’ assi f’riżervi barranin lill-BĊE meta ssieħbu fl-Eurosistema. Bis-saħħa tal-Artikolu 30.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, dawn il-kontribuzzjonijiet huma ffissati fi proporzjon għas-sehem tal-BĊN fil-kapital sottoskritt tal-BĊE. Wara l-aġġustament ta’ ħames snin tal-ippeżar tal-BĊN fl-iskema tas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE fl-1 ta’ Jannar 2019, l-ippeżar tal-BĊN taż-żona tal-euro fil-kapital sottoskritt tal-BĊE naqas (ara n-nota 15 "Kapital u riżervi"). Dan irriżulta fi tnaqqis f’dawn l-obbligazzjonijiet b’€448 miljun għal €40,344 miljun, kif jidher fit-tabella hawn taħt.

Ir-remunerazzjoni ta’ dawn l-obbligazzjonijiet tiġi kalkulata kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, aġġustata biex ma tirrifletti ebda qligħ mill-komponent tad-deheb (ara n-nota 22.3 “Remunerazzjoni ta’ klejms ta’ banek ċentrali nazzjonali fir-rigward ta’ riżervi barranin trasferiti”).

Nota 11.2 - Obbligazzjonijiet oħra fl-Eurosistema (netti)

Fl-2019 din il-partita kienet tikkonsisti fil-bilanċi TARGET2 tal-BĊN taż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE u l-ammont dovut lill-BĊN taż-żona tal-euro fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-qligħ interim tal-BĊE (ara “Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema” u “Distribuzzjoni interim tal-qligħ”, rispettivament, fit-Taqsima 2.3 "Politika tal-Kontabilità").

It-tnaqqis fir-responsabbiltà netta tat-TARGET2 irriżulta prinċipalment minn (a) iż-żieda fid-depożiti aċċettati mill-BĊE fir-rwol tiegħu bħala aġent fiskali (ara n-nota 9 “Obbligazzjonijiet ma’ residenti oħra taż-żona tal-euro denominati f’euro”); (b) id-dħul mill-imgħax irċevut minn titoli miżmuma għal finijiet ta’ politika monetarja; u (ċ) fidi ta’ titoli mixtrija taħt l-SMP u l-ewwel żewġ programmi ta’ xiri ta’ bonds koperti, li ġew issetiljati permezz ta' kontijiet TARGET2. L-impatt ta’ dawn il-fatturi ġie parzjalment ikkumpensat permezz ta’ (a) ix-xiri nett tal-APP, li kien ukoll saldat permezz tal-kontijiet TARGET2; (b) il-ħlas tad-distribuzzjoni tal-profitt tal-BĊE għall-2018; (c) it-tnaqqis fil-flus riċevuti bħala kollateral kontra s-self ta’ titoli PSPP (ara nota 8 “Obbligazzjonijiet oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro " u nota 10 " Obbligazzjonijiet ma’ residenti mhux taż-żona tal-euro denominati f’euro”); u (d) is-saldu fit-TARGET2 ta’ pagamenti minn residenti fiż-żona tal-euro lil residenti mhux fiż-żona tal-euro (ara n-nota 10 “Obbligazzjonijiet ma’ residenti mhux taż-żona tal-euro denominati f’euro”).

Ir-remunerazzjoni tal-pożizzjonijiet tat-TARGET2, ħlief il-bilanċi mit-tranżazzjonijiet swap back-to-back fir-rigward tal-operazzjonijiet għall-provvediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani, tiġi kalkulata kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament.

Noti 12 - Assi oħrajn

Nota 12.1 - Differenzi fir-rivalutazzjoni ta’ strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ

Din il-partita tikkonsisti f’tibdil fil-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2019 (ara n-nota 19 “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju”). Dawn il-bidliet fil-valutazzjoni ammontaw għal €709 miljun (2018: €641 miljun) u huma r-riżultat tal-konverżjoni ta’ tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti tagħhom f’euro bir-rati tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ, imqabblin mal-valuri f’euro li jirriżultaw mill-konverżjoni tat-tranżazzjonijiet bil-prezz medju tal-munita barranija rispettiva f’dik id-data (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” u “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3, “Politika tal-kontabilità”).

Nota 12.2 - Dovuti u dħul miġbur bil-quddiem

Din il-partita kienet tinkludi l-komponenti li ġejjin fil-31 ta’ Diċembru 2019:

Nota 12.3 - Varji

Fil-31 ta’ Diċembru 2019 din il-partita kienet tammonta għal €2,188 miljun (2018: €1,178 miljun). Kienet tinkludi bilanċi li ammontaw għal €662 miljun (2018: €580 million) relatati ma’ tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2019 (ara n-nota 19, “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju”). Dawn il-bilanċi ħarġu mit-tisrif ta’ tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti f’euro bil-prezz medju tal-munita rispettiva fid-data tal-karta tal-bilanċ, imqabbel mal-valuri f’euro li bihom it-tranżazzjonijiet daħlu fil-kontijiet għall-ewwel darba (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).

Il-partita kienet tinkludi wkoll passiv ta’ kiri ta’ €232 miljun, li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-politika tal-kontabilità l-ġdida għall-kirjiet mill-1 ta’ Jannar 2019 (ara "Kirjiet" u "Bidliet fil-politika tal-kontabilità" fit-Taqsima 2.3 "Politika tal-Kontabilità").

Barra minn hekk, din il-partita tinkludi l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti tal-BĊE fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul tal-persunal tiegħu u tal-membri tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE. Il-benefiċċji tat-terminazzjoni tal-persunal tal-BĊE huma inklużi wkoll.

Il-benefiċċji tal-BĊE ta’ wara l-impjieg, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni

Karta tal-Bilanċ
L-ammonti rikonoxxuti fil-Karta tal-Bilanċ taħt il-partita “Varji” (obbligazzjonijiet) fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni tal-persunal kienu kif ġej:

Nota: Il-kolonni bl-isem “Bordijiet” jagħtu l-ammonti fir-rigward kemm tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-Bord Superviżorju.

Fl-2019 il-valur attwali tal-obbligu definit vis-à-vis il-persunal ta’ €2,497 miljun (2018: €1,608 miljun) kien jinkludi benefiċċji mhux finanzjati ta’ €323 miljun (2018: €226 miljun) relatati mal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg minbarra l-pensjonijiet, ma’ benefiċċji oħra fit-tul u ma’ benefiċċji tat-terminazzjoni tal-persunal. Il-valur preżenti tal-obbligu vis-à-vis l-membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri tal-Bord Superviżorju, ta’ €39 miljun (2018: €29 miljun) hu relatat biss ma’ provvedimenti mhux finanzjati li jeżistu għall-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul.

Il-kalkolu mill-ġdid tal-obbligazzjoni netta tal-benefiċċju definit tal-BĊE fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg huma rikonoxxuti fil-Karta ta' Bilanċ taħt il-partita “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni”. Fl-2010, it-telf tal-kalkolu mill-ġdid taħt dik il-partita tal-obbligazzjoni ammonta għal €749 miljun (2018: €129 miljun (ara n-nota 14 “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni”).

Tibdil fl-obbligu tal-benefiċċji definiti, assi tal-iskema u riżultati tal-kalkoli ġodda
It-tibdil fil-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji definiti jidher hawn taħt:

Nota: Il-kolonni bl-isem “Bordijiet” jagħtu l-ammonti fir-rigward kemm tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-Bord Superviżorju.
1) Ċifra netta li tinkludi kontribuzzjonijiet obbligatorji u trasferimenti fi/barra mill-iskemi. Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa mill-persunal huma 7.4%, waqt li dawk imħallsa mill-BĊE huma 20.7% tas-salarju bażiku.

It-telf mill-kalkolu mill-ġdid ta’ €763 miljun fuq l-obbligu ta’ benefiċċju definit fl-2019 inħoloq primarjament minħabba t-tnaqqis fir-rata ta’ skont minn 2.3% fl-2018 għal 1.2% fl-2019. Sorsi addizzjonali ta’ kalkolu mill-ġdid inkludew l-applikazzjoni ta’ tabelli ġodda ta’ mortalità u, sa ċertu punt ħafna inqas, aġġustamenti ta’ esperjenza li jirriflettu d-differenza bejn l-assunzjonijiet attwarji magħmula fir-rapport tas-sena preċedenti u l-esperjenza attwali.

Il-benefiċċji mħallsa naqqsu għal €24 miljun fl-2019 (2018: €46-Il miljun), minħabba l-iżjed għal ħlasijiet ta’ darba għat-terminazzjoni lil membri tal-persunal li ġew aċċettati għall-iskema Appoġġ għat-Tranżizzjoni tal-Karriera (CTS). Din l-iskema ġiet introdotta fl-2017 għall-membri tal-persunal li jservu fit-tul biex tiffaċilita t-tranżizzjoni volontarja tagħhom għal karriera barra l-BĊE taħt kundizzjonijiet speċifikati.

It-tibdil fl-2019 fil-valur ġust tal-assi tal-iskema fl-istruttura tal-benefiċċji definiti fir-rigward tal-persunal jidher hawn taħt:

Il-qligħ bil-kalkoli mill-ġdid fuq l-assi tal-iskema fl-2019 kien jirrifletti l-fatt li r-redditu attwali mill-unitajiet tal-fondi kien materjalment ogħla mid-dħul mill-imgħax assunt fuq l-assi tal-iskema.

It-tibdil fl-2019 fir-riżultati tal-kalkoli mill-ġdid kienu kif ġej:

Kont tal-Profitt u t-Telf
L-ammonti li jidhru fil-Kont tal-Profitt u t-Telf fl-2019 huma dawn:

Nota: Il-kolonni bl-isem “Bordijiet” jagħtu l-ammonti fir-rigward kemm tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-Bord Superviżorju.

Il-kalkolu mill-ġdid tat-telf fuq benefiċċji oħra fit-tul u ta’ terminazzjoni rikonoxxuti direttament fil-Kont tal-Profitt u Telf ammontaw għal €18-il miljun fl-2019. Il-biċċa l-kbira ta’ dan l-ammont kien relatat ma’ benefiċċji oħra fit-tul u nħoloq primarjament bħala riżultat tat-tnaqqis fir-rata ta’ skont minn 2.3% fl-2018 għal 1.2% fl-2019.

L-ispiża kurrenti tas-servizz naqset fl-2019 għal €92 miljun (2018: €98 miljun) l-aktar minħabba ż-żieda fir-rata ta’ skont minn 2.1% fl-2017 għal 2.3% fl-2018.[33]

Assunzjonijiet ewlenin
Fit-tħejjija tal-valutazzjonijiet imsemmijin f’din in-nota, l-attwarji użaw ipotesijiet li ġew aċċettati mill-Bord Eżekuttiv għall-għanijiet tal-kontabilità u l-pubblikazzjoni. Il-konġetturi ewlenin użati għal skopijiet ta' kalkolu tal-obbligu tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul kienu kif ġej:

1) Dawn l-assunzjonijiet intużaw fil-kalkolu tal-parti tal-obbligu tal-benefiċċji definiti tal-BĊE li hi finanzjata minn assi b’garanzija ta’ kapital ta’ bażi.
2) Barra dan, issir konċessjoni għal żidiet prospettivi fis-salarji individwali ta’ mhux aktar minn 1.8% fis-sena, skont l-età tal-parteċipanti fl-iskema.

3) Skont ir-regoli tal-iskema tal-pensjoni tal-BĊE, il-pensjonijiet għandhom jiżdiedu kull sena. Jekk l-aġġustamenti ġenerali fis-salarji tal-impjegati tal-BĊE jkunu inqas mill-inflazzjoni tal-prezzijiet, kull żieda fil-pensjonijiet għandha tkun konformi mal-aġġustamenti ġenerali fis-salarji. Jekk l-aġġustamenti ġenerali fis-salarji jaqbżu l-inflazzjoni tal-prezzijiet, dawn jiġu applikati biex tiġi kalkulata ż-żieda fil-pensjonijiet, sakemm il-pożizzjoni finanzjarja tal-iskemi tal-pensjoni tal-BĊE tkun tiflaħ għal żieda bħal din.

Barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet volontarji li saru mill-persunal fi struttura ta' kontribuzzjonijiet definiti fl-2019 ammontaw għal €171 miljun (2018: €140 miljun). Dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu investiti fl-assi tal-iskema u jwasslu għal obbligu korrispondenti b’valur ekwivalenti.

Nota 13 - Dispożizzjonijiet

Din il-partita hija magħmula l-iktar minn dispożizzjoni għal riskji finanzjarji. Fl-2019 l-ambitu tagħha ġie estiż biex ikopri r-riskji finanzjarji kollha (i.e. r-riskji tas-suq, tal-likwidità u tal-kreditu). Qabel kienet tkopri r-riskji tar-rata tal-kambju barrani, tar-rata tal-imgħax, tal-kreditu u tal-prezz tad-deheb biss

Il-provvediment għar-riskji finanzjarji se jintuża safejn jitqies meħtieġ mill-Kunsill Governattiv biex ipatti għal telf realizzat u mhux realizzat fil-ġejjieni. Id-daqs u r-rekwiżit kontinwu ta’ dan il-provvediment jiġu eżaminati kull sena, skont l-evalwazzjoni tal-BĊE tal-iskopertura tiegħu għal dawn ir-riskji filwaqt li titqies firxa ta’ fatturi. Id-daqs tiegħu, flimkien ma’ kull ammont miżmum fil-fond ġenerali tar-riżervi, m’għandux jaqbeż il-valur tal-kapital tal-BĊE mħallas mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro.

Meta jitqiesu (i) it-tnaqqis fl-ippeżar tal-BĊN taż-żona tal-euro fil-kapital sottoskritt tal-BĊE bħala riżultat tal-aġġustament ta’ ħames snin tal-iskema għas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE mill-1 ta’ Jannar 2019 (ara n-nota 15 “Kapital u riżervi”) u (ii) ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-iskoperturi tal-BĊE għar-riskji finanzjarji, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jirrilaxxa €84 miljun mill-provvediment tal-BĊE għar-riskji finanzjarji fil-31 ta’ Diċembru 2019 sabiex jikkonforma mal-limitu massimu permess. Għalhekk il-provvediment għar-riskju finanzjarju sal-31 ta’ Diċembru 2019 kien jammonta għal €7,536 miljun, li huwa daqs il-valur tal-kapital tal-BĊE mħallas mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro f’dik id-data.

Nota 14 - Kontijiet ta’ rivalutazzjoni

Din il-partita tikkonsisti f’bilanċi ta’ rivalutazzjoni mill-qligħ mhux realizzat fuq assi, obbligazzjonijiet u strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ (ara “Rikonoxximent tad-dħul”, “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija”, “Titoli” u “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” fit-Taqsima 2.3 "Politika tal-Kontabilità). Il-partita tinkludi wkoll il-kalkoli l-ġodda tal-obbligu nett tal-benefiċċji definiti tal-BĊE fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg (ara “Il-benefiċċji ta’ wara l-impjieg tal-BĊE, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni” ffit-Taqsima 2.3 “Politika tal-Kontabilità” u n-nota 12.3 “Varji”).

Iż-żieda fid-daqs tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni hija dovuta fil-parti l-kbira għaż-żieda fil-prezz tad-deheb u għad-deprezzament tal-euro mad-dollaru Amerikan u l-yen Ġappuniż fl-2019.

Ir-rati tal-kambju użati għar-rivalutazzjoni tal-aħħar tas-sena jidhru hawn taħt:

Nota 15 - Kapital u riżervi

Nota 15.1 - Kapital

Bidla għall-iskema ta’ sottoskrizzjoni tal-Kapital tal-BĊE

Skont l-Artikolu 29 tal-Istatut tal-SEBĊ, il-piżijiet assenjati lill-BĊNi fl-iskema għas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE huma aġġustati kull ħames snin[34] skont l-ishma tal-Istati Membri rispettivi fil-popolazzjoni totali u l-prodott domestiku gross tal-UE, fl-istess miżura[35]. Ir-raba’ aġġustament bħal dan wara l-istabbiliment tal-BĊE sar fl-1 ta' Jannar 2019, u l-ishma kapitali tal-BĊN ġew aġġustati kif ġej:

Kapital Imħallas tal-BĊE
Il-kapital sottskritt tal-BĊE huwa ta’ €10,825 miljun. Wara l-aġġustament ta’ ħames snin tal-kapital ewlieni tal-BĊE, l-ippeżar tal-BĊN taż-żona tal-euro (b’sottoskrizzjoni mħallsa kollha) fil-kapital sottoskritt tal-BĊE tnaqqas b’0.7739 punt perċentwali, filwaqt li dak tal-BĊN li mhumiex fiż-żona tal-euro (li jħallsu biss 3.75% tas-sottoskrizzjonijiet tagħhom) żdiedu bl-istess ammont. Minħabba dan, il-kapital imħallas tal-BĊE naqas b’€81 għal €7,659 miljun fl-1 ta’ Jannar 2015, kif jidher fit-tabella hawn taħt:

2.5 Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ

Nota 16 - Programmi ta’ self ta’ titoli

Bħala parti mill-ġestjoni tal-fondi proprji tal-BĊE, il-BĊE għandu ftehim dwar programm ta’ self ta’ titoli li bih istituzzjoni speċjalizzata tagħmel tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli f’isem il-BĊE.

Barra minn hekk, skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv, il-BĊE għamel disponibbli għas-self l-investimenti tiegħu f’titoli akkwistati fl-ewwel, it-tieni u t-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti, kif ukoll l-investimenti tiegħu f’titoli akkwistati fil-PSPP u dawk mixtrijin fl-SMP li huma eliġibbli wkoll għall-akkwist fil-PSPP.[36]

Jekk dawn l-operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli ma jsirux kontra kollateral fi flus kontanti li jibqa’ mhux investit fl-aħħar tas-sena, jiġu reġistrati fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ.[37] Operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli bħal dawn, b’valur ta’ €10,076 miljun (2018: €9,646 miljun) kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2019. Minn dan l-ammont, €5,502 miljun (2018: €4,440 miljun) kien relatat mas-self ta’ titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja.

Nota 17 - Futures tar-rati tal-imgħax

Fil-31 ta’ Diċembru 2019 dawn it-tranżazzjonijiet f’munita barranija, li jidhru bir-rati tas-suq tal-aħħar tas-sena, kienu pendenti:

Dawn it-tranżazzjonijiet saru fl-ambitu tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE.

Nota 18 - Swaps tar-rati tal-imgħax

Tranżazzjonijiet swap tar-rati tal-imgħax b’valur nozzjonali ta’ €703 miljun (2018: €519 miljun) li jidhru bir-rati tas-suq ta’ tmiem is-sena kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2016. Dawn it-tranżazzjonijiet saru fl-ambitu tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE.

Nota 19 - Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju

Ġestjoni ta’ riżervi barranin
Saru tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju fl-2019 fl-ambitu tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE. Il-klejms u l-obbligazzjonijiet li rriżultaw minn dawn it-tranżazzjonijiet li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2019 qegħdin jidhru bir-rati tas-suq ta’ tmiem is-sena kif ġej:

Operazzjonijiet li jipprovdu l-likwidità
Klejms u obbligazzjonijiet f’dollari Amerikani b’data ta’ ħlas fl-2019 saru fir-rigward tal-provvediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani lil kontropartijiet tal-Eurosistema (ara n-nota 10 “Obbligazzjonijiet ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”).

Nota 20 - Amministrazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b'self

Fl-2019 il-BĊE kompla jkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b'self tal-UE taħt il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja għal żmien medju u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja, għall-ftehim ta’ faċilità ta’ self għall-Greċja, u għall-amministrazzjoni ta’ ħlasijiet relatati ma’ żewġ selfiet tal-EFSF. Fl-2019 il-BĊE proċessa l-ħlasijiet relatati ma’ dawn l-operazzjonijiet kif ukoll il-ħlasijiet marbuta ma’ sottoskrizzjonijiet tal-membri għall-kapital awtorizzat f’ishma tal-MES.

Nota 21- Obbligazzjonijiet kontinġenti minn kawżi pendenti

Saru diversi kawżi kontra l-BĊE u istituzzjonijiet oħra tal-UE minn għadd ta’ depożitanti, azzjonisti u detenturi ta’ bonds ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu Ċiprijotti. Ir-rikorrenti jallegaw li ġarrbu telf finanzjarju minħabba azzjonijiet li huma jikkunsidraw li wasslu għar-ristrutturar ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-kuntest tal-programm ta’ assistenza finanzjarja għal Ċipru. Tnejn minn dawn il-kawżi ġew miċħuda fil-mertu mill-Qorti Ġenerali tal-UE fl-2018 u appell kontra dawn is-sentenzi bħalissa hu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Dan isegwi d-digrieti tal-Qorti Ġenerali fl-2014 li sabu tnax-il kawża simili inammissibbli fl-intier tagħhom u, wara li saru appelli, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-2016 li jew ikkonfermaw l-inammissibilità jew iddeċidew favur il-BĊE. L-involviment tal-BĊE fil-proċess li wassal għall-konklużjoni tal-programm ta’ assistenza finanzjarja kien limitat għall-għoti ta’ pariri tekniċi, skont it-Trattat MSE, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll għall-ħruġ ta’ opinjoni mhux vinkolanti dwar l-abbozz ta’ liġi ta’ riżoluzzjoni Ċiprijotta. Għalhekk jitqies li l-BĊE mhu se jġarrab ebda telf minħabba dawn il-kawżi.

2.6 Noti fuq il-Kont tal-Profitt u t-Telf

Nota 22 - Dħul nett mill-imgħax

Nota 22.1 - Dħul mill-imgħax fuq assi f’riżervi barranin:

Din il-partita tinkludi d-dħul mill-imgħax, bl-ispiża tal-imgħax imnaqqsa, fir-rigward tal-assi netti f’riżervi barranin tal-BĊE, kif jidher hawn taħt:

Iż-żieda totali fid-dħul nett mill-imgħax fl-2019 kienet dovuta l-aktar għal dħul ogħla mill-imgħax iġġenerat mill-portafoll tad-dollaru Amerikan. L-apprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro kkontribwixxa wkoll għal din iż-żieda.

Nota 22.2 - Dħul mill-imgħax fuq l-allokazzjoni ta’ karti tal-euro ġewwa l-Eurosistema

Din il-partita tikkonsisti fid-dħul mill-imgħax relatat mas-sehem ta’ 8% tal-BĊE mill-ħruġ totali ta’ karti tal-euro (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità” u n-nota 5.1 “Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema”). Għall-2019 dan id-dħul mill-imgħax kien żero, minħabba l-fatt li r-rata fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament baqgħet 0% matul is-sena kollha.

Nota 22.3 - Remunerazzjoni ta’ klejms ta’ banek ċentrali nazzjonali fir-rigward ta’ riżervi barranin trasferiti

Ir-remunerazzjoni mħallsa lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fuq il-klejms tagħhom fir-rigward tal-assi f’rizervi barranin trasferiti lill-BĊE (ara n-nota 11.1 “Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin”) tidher f’din l-intestatura. Fl-2019 ir-remunerazzjoni dan kienet żero, minħabba l-fatt li r-rata fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament baqgħat 0% matul is-sena kollha.

Nota 22.4 - Dħul ieħor mill-imgħax; u spejjeż oħra tal-imgħax

Dħul ieħor mill-imgħax u spiża oħra tal-imgħax fl-2019 kienu kif ġej:

1) Id-dħul nett tal-BĊE mill-imgħax fuq l-investimenti SMP f’bonds tal-gvern Grieg ammonta għal €94 miljun (2018: €127 miljun).

Nota 23 - Qligħ/telf realizzat minn operazzjonijiet finanzjarji

Il-qligħ/telf nett realizzat li jirriżulta minn operazzjonijiet finanzjarji fl-2019 kien kif ġej:

Il-qligħ/telf nett realizzat minn prezzijiet jinkludi l-qligħ u t-telf realizzat mit-titoli, mill-futures tar-rati tal-imgħax u mis-swaps tar-rati tal-imgħax. Il-qligħ mill-prezz nett realizzat fl-2019 kien prinċipalment dovut għal qligħ realizzat fil-prezz iġġenerat fil-portafoll tad-dollaru Amerikan, bħala riżultat ta’ rendiment iktar baxx tat-titoli tad-dollaru Amerikan meta mqabbel mal-2010.

Nota 24 - Valutazzjoni negattiva ta’ assi u pożizzjonijiet finanzjarji

Il-valutazzjoni negattiva ta’ assi u pożizzjonijiet finanzjarji fl-2019 tidher hawn taħt:

Il-valur fis-suq ta’ għadd ta’ titoli miżmuma fil-portafoll proprju u tad-dollaru Amerikan baqa' jonqos, flimkien ma’ żieda fir-redditi korrispondenti lejn l-aħħar tal-2019. Dan wassal għal telf mhux realizzat tal-prezz tat-titoli fl-aħħar tas-sena.

Nota 25 - Dħul nett/spiża netta minn tariffi u kummissjonijiet

Fl-2019 id-dħul taħt din l-intestatura kien jikkonsisti l-iżjed minn tariffi superviżorji u penali amministrattivi imposti fuq entitajiet taħt superviżjoni għal nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti tal-UE dwar rekwiżiti prudenzjali (inklużi d-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE). L-ispejjeż kienu jikkonsistu l-aktar minn tariffi ta’ kustodja.

Dħul u spejjeż relatati mal-kompiti superviżorji
Il-BĊE jimponi tariffi annwali fuq entitajiet taħt superviżjoni biex jirkupra l-ispiża mġarrba fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu. Il-BĊE ħabbar f’April 2019 li t-tariffi superviżorji annwali għall-2019 kellhom jammontaw għal €576 miljun. Din iċ-ċifra kienet ibbażata fuq stima ta’ spejjeż annwali għall-kompiti superviżorji ta’ €559 miljun fl-2019, wara li saru aġġustamenti (i) għall-defiċit ta’ €15-il miljun ġejjin mill-perjodu tariffarju 2018 u (ii) għall-ammonti rimborżati lil banek individwali għal perijodi tariffarji preċedenti.[38] (€2 miljuni)

Abbażi tal-ispiża attwali tal-BĊE għat-twettiq tal-kompiti superviżorji bankarji tiegħu, id-dħul mit-tariffi superviżorji għall-2019 kien ta’ €537 miljun. Il-bilanċ pożittiv riżultanti ta’ €22 miljun ġej mid-differenza bejn l-ispiża kalkulata (€559 miljun) u l-ispiża attwali (€537 miljun) għall-2019 jidher taħt l-intestatura “Dovuti u dħul miġbur bil-quddiem” (ara n-nota 12.2, “Dovuti u dħul miġbur bil-quddiem”). Se jnaqqas l-ammont totali li għandu jitħallas għall-perjodu tariffarju 2020, li, wara l-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni ex post taħt il-qafas ta’ ħlas rivedut tat-tariffa,[39] se jseħħ fl-2021.

Il-BĊE hu intitolat ukoll li jimponi penali amministrattivi fuq entitajiet taħt superviżjoni għal nuqqas ta' konformità mar-regolamenti bankarji tal-UE dwar rekwiżiti prudenzjali (inklużi d-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE). Id-dħul relatat ma jitqiesx fil-kalkolu tat-tariffi superviżorju annwali. Minflok, dan jiġi reġistrat bħala dħul fil-kont tal-profitt u t-Telf tal-BĊE u jitqassam lill-BĊN taż-żona tal-euro bħala parti mir-reġim tal-BĊE għat-tqassim tal-qligħ. Fl-2019 id-dħul li jirriżulta minn penali fuq entitjiet taħt superviżjoni ammontaw għal €7 miljun.

B’hekk, id-dħul relatat tal-BĊE għal kompiti superviżorji fl-2019 kien kif ġej:

L-ispejjeż relatati mas-superviżjoni bankarja jirriżultaw mis-superviżjoni diretta ta’ entitajiet sinifikanti, is-sorveljanza tas-superviżjoni ta’ entitajiet inqas sinifikanti u t-twettiq ta’ kompiti orizzontali u servizzi speċjalizzati. Jinkludu wkoll l-ispejjeż li jirriżultaw mill-oqsma ta’ sostenn meħtieġa biex jiġu ssodisfatti r-responsabbiltajiet superviżorji tal-BĊE, fosthom il-bini, il-ġestjoni tar-riżorsi umani, is-servizzi amministrattivi, il-baġit u l-kontroll, il-kontabilità, is-servizzi legali, tal-komunikazzjoni u traduzzjoni, il-verifika interna, u s-servizzi tal-istatistika u t-teknoloġija tal-informatika.

Għall-2019 l-ispejjeż totali attwali relatati mal-kompiti superviżorji tal-BĊE, li jiġu rkuprati permezz tat-tariffi superviżorji annwali, kienu kif ġej:

Iż-żieda fl-għadd medju ta’ persunal li jaħdem għas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE wassal għal żieda korrispondenti fis-salarji u l-benefiċċji. In-numru ogħla ta’ persunal wassal ukoll għaż-żieda fl-ispejjeż relatati mal-bini, filwaqt li t-tnaqqis fin-nefqa operattiva oħra kien dovut l-aktar għal spejjeż aktar baxxi ta’ konsulenza fir-rigward ta’ kompiti superviżorji, l-iktar it-Targeted Review of Internal Models (ir-Reviżjoni Mmirata ta' Mudelli Interni) (TRIM), li tintemm fl-2020.

Nota 26 - Dħul mill-ishma u l-parteċipazzjoni azzjonarja

Id-dividendi li daħlu mill-ishma li l-BĊE għandu fil-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS) (ara n-nota 6.2 “Assi finanzjarji oħra”) jidhru f’din l-intestatura.

Nota 27 - Dħul ieħor

Dħul ieħor varju fl-2019 ġie l-aktar mill-kontribuzzjonijiet dovuti tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro għall-ispejjeż imġarrbin mill-BĊE fir-rigward ta’ proġetti konġunti mal-Eurosistema.

Nota 28 - Spejjeż tal-persunal

Fl-2019 l-ispejjeż tal-persunal kienu kif ġej:

1) Is-salarji u l-benefiċċji huma bbażati, essenzjalment, u paragunabbli ma’, l-iskema ta’ remunerazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

L-għadd medju ta’ impjegati, espress bħala ekwivalenti full-time (FTEs)[40], ammonta għal 3,770 (2018: 3,546), li minnhom 349 kienu persunal maniġerjali (2018: 337)

L-ispejjeż tal-persunal żdiedu fl-2019 prinċipalment minħabba n-numru medju ogħla ta’ persunal impjegat mill-BĊE u spejjeż ogħla b’rabta ma’ benefiċċji oħra fit-tul, l-aktar bħala riżultat tal-użu ta’ rata ta’ skont aktar baxxa għall-valutazzjoni attwarja fl-aħħar ta' 2019 (ara n-nota 12.3 “Varji”).

Remunerazzjoni għall-Bordijiet Eżekuttiv u Superviżorju
Membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE jirċievu salarju bażiku u benefiċċji għar-residenza u r-rappreżentanza. Fil-każ tal-President, minflok il-benefiċċju għar-residenza tiġi provduta residenza. Bla ħsara għall-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-membri taż-żewġ bordijiet huma intitolati għal benefiċċji tal-familja, tat-tfal u tal-edukazzjoni, skont iċ-ċirkostanzi individwali tagħhom. Is-salarji huma suġġetti għat-taxxa li tmur għall-benefiċċju tal-UE kif ukoll għal tnaqqis fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet għall-iskemi tal-pensjoni, tal-assigurazzjoni medika, kura fit-tul u tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti. Il-benefiċċji la huma taxxabbli u lanqas pensjonabbli.

Fl-2019 is-salarji bażiċi tal-membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE (i.e. barra r-rappreżentanti tas-superviżuri nazzjonali) kienu dawn:[41]

1) Dan it-total jeskludi s-salarju tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju (Sabine Lautenschläger sa Frar 2019 u Yves Mersch minn Ottubru 2019), li huwa rrappurtat ma’ dawk tal-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv.

Il-benefiċċji totali li tħallsu lill-membri taż-żewġ bordijiet u l-kontribuzzjonijiet tal-BĊE għall-iskemi tal-assigurazzjoni medika, il-kura fit-tul u kontra l-inċidenti mħallsa f’isimhom ammontaw għal €1,182,767 (2018: €835,371). Jistgħu jsiru pagamenti tranżitorji lil dawk li kienu membri taż-żewġ bordijiet għal perjodu limitat wara tmiem il-mandat tagħhom. Fl-2019 dawn il-ħlasijiet, il-benefiċċji relatati mal-familja u l-kontribuzzjonijiet tal-BĊE għall-iskemi tal-assigurazzjoni medika, kura fit-tul u kontra l-inċidenti għal dawk li kienu membri taż-żewġ bordijiet ammontaw għal €864,287 (2018: €169,346). Iż-żieda fl-allowances totali u fil-pagamenti tranżitorji hija dovuta l-aktar għal numru ogħla ta’ membri tal-bord li jitilqu/jingħaqdu mal-BĊE fl-2019 milli fis-sena ta' qabel.

Ħlasijiet tal-pensjoni, inklużi benefiċċji ta’ wara l-impjieg, u kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-assigurazzjoni medika, kura fit-tul u kontra l-inċidenti għal eks membri tal-bord u d-dipendenti tagħhom, ammontaw għal €1,848,157 (2018: €3,047,064).[42] Fl-2019 dan l-ammont kien jinkludi trasferiment għal skema oħra ta’ pensjoni fuq l-irtirar ta’ eks membru tal-bord. Fl-2018 dan kien jinkludi ħlas ta’ somma f'daqqa mal-irtirar lil membru preċedenti tal-bord minflok ħlasijiet futuri tal-pensjoni.

Nota 29 - Spejjeż amministrattivi

Din il-partita li tammonta għal €476 miljun (2018: €525 miljun) tkopri l-ispejjeż kurrenti l-oħra kollha relatati mal-konsulenza, it-teknoloġija tal-informatika, il-manutenzjoni ta’ bini, prodotti u tagħmir ta’ natura mhux kapitali u servizzi u provvisti oħra, flimkien ma’ spejjeż relatati mal-persunal, inklużi l-ispejjeż tat-taħriġ, ir-reklutaġġ, ir-rilokazzjoni u l-akkomodazzjoni.

It-tnaqqis fl-2019 kien dovut l-aktar għal spejjeż aktar baxxi fir-rigward tal-kera tal-ispazju, tal-persunal tal-aġenzija u tal-appoġġ għall-konsulenza esterna. Spejjeż iktar baxxi ta’ kiri rriżultaw mir-rikonoxximent fil-karta tal-bilanċ tad-dritt tal-użu tal-bini (ara “Bidliet fil-politika tal-kontabilità” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-Kontabilità” u n-nota 6.1 “Assi fissi tanġibbli u intanġibbli”) u r-reġistrazzjoni tal-ispejjeż relatati bħala deprezzament.

Nota 30 - Servizzi tal-produzzjoni tal-karti tal-flus

Din l-ispiża tirriżulta l-aktar mill-ġarr transkonfinali ta’ karti tal-euro bejn l-istamperiji tal-karti tal-flus u l-banek ċentrali nazzjonali għall-kunsinna ta’ karti tal-flus ġodda, u bejn il-banek ċentrali nazzjonali, biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ provvista b’ħażniet ġodda. Dawn l-ispejjeż jitħallsu ċentralment mill-BĊE.

2.7 Avvenimenti post karta tal-bilanċ

Nota 31 - Aġġustament tal-iskema tal-kapitali tal-BĊE wara t-tluq tar-Renju Unit mill-UE

Bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u l-irtirar konsegwenti tal-Bank of England mis-SEBĊ, il-piżijiet assenjati lill-BĊN l-oħra fl-iskema tas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE ġew aġġustati b’effett mill-1 ta’ Frar 2020 kif ġej:

Impatt fuq il-kapital tal-BĊE
Il-BĊE żamm il-kapital sottoskritt tiegħu mingħajr tibdil għal €10,825 miljun wara l-irtirar tal-Bank of England mis-SEBĊ. Is-sehem attwali tal-Bank of England fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, li hu ta’ 14.3%, ġie riallokat kemm fost il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (BĊN) kif ukoll fost il-BĊN l-oħra barra ż-żona tal-euro.

Il-kapital imħallas tal-BĊE se jibqa’ mingħajr tibdil bi €7,659 miljun fl-2020, billi l-BĊN l-oħra koprew il-kapital li kien tħallas tal-Bank of England ta’ €58 miljun. Matul is-sentejn li ġejjin, il-BĊN taż-żona tal-euro se jħallsu, f'żewġ pagamenti annwali, il-bqija tas-sottoskrizzjonijiet miżjuda tagħhom għall-kapital tal-BĊE wara l-irtirar tal-Bank of England mis-SEBĊ. Dan iwassal għal żieda fil-kapital imħallas tal-BĊE minn €7,659 miljun fl-2020 għal €8,270 miljun fl-2021 u €8,880 miljun fl-2022.

Impatt fuq il-klejms tal-BĊN ekwivalenti għall-assi ta’ riżervi barranin trasferiti lill-BĊE
Skont l-Artikolu 30.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-kontribuzzjonijiet tal-BĊN għat-trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin lill-BĊE huma ffissati fi proporzjon mas-sehem tagħhom fil-kapital sottoskritt tal-BĊE. Wara (a) iż-żieda fl-ippeżar tal-BĊN taż-żona tal-euro (li ttrasferew assi ta’ riżerva barranin lill-BĊE) fil-kapital sottoskritt tal-BĊE li jirriżulta mill-irtirar tal-Bank of England mill-SEBĊ u (b) id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li tnaqqas il-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet tal-BĊN taż-żona tal-euro, sabiex l-ammont totali ta’ assi ta’ riżervi barrani trasferiti mill-BĊNi taż-żona tal-euro jibqa’ fl-istess livell ta’ qabel l-irtirar tal-Bank of England mill-SEBĊ, it-talba totali tal-BĊN ekwivalenti għal dawn it-trasferimenti jibqgħu prattikament l-istess.

3 Rapport tal-awditur indipendenti

Dan ir-rapport tal-awditur huwa pprovdut mill-BĊE bħala traduzzjoni ta’ kortesija tar-rapport tal-awditur estern tal-BĊE. Fil-każ ta’ diskrepanza, tirbaħ il-verżjoni bl-Ingliż ffirmata minn Baker Tilly.

4 Nota fuq it-tqassim tal-qligħ/l-allokazzjoni tat-telf

Din in-nota mhijiex parti mir-rapporti finanzjarji tal-BĊE għas-sena 2019.

Skont l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-profitt nett tal-BĊE għandu jiġi trasferit f’din l-ordni:

  1. ammont li għad irid jiġi deċiż mill-Kunsill Governattiv, li m’għandux jaqbeż 20% tal-qligħ nett, għandu jiġi trasferit fil-fond ġenerali tar-riżervi, sa limitu ekwivalenti għal 100% tal-kapital; u
  2. il-bqija tal-qligħ nett għandu jitqassam lill-azzjonisti tal-BĊE fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom.[43]

Fil-każ ta’ telf imġarrab mill-BĊE, l-iżbilanċ jista’ jitpatta mill-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, mid-dħul monetarju tas-sena finanzjarja rilevanti fil-proporzjon u mhux iżjed mill-ammonti allokati lill-BĊN skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ.[44]

Il-profitt nett tal-BĊE għall-2019 kien ta’ €2,366 miljun. Wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, it-tqassim tal-profitt interim ta’ €1,431 miljun tħallas lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-31 ta’ Jannar 2020. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jqassam il-bqija tal-qligħ ta’ €935 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro.

© Bank Ċentrali Ewropew. 2021

Indirizz postali 60640 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
Telefon +49 69 1344 0

Websajt www.ecb.europa.eu

Id-drittijiet kollha miżmumin. Ir-riproduzzjoni għal għanijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Għat-terminoloġija speċifka, jekk jogħġbok irreferi għall-glossarju BĊE (disponibbli bl-Ingliż biss).

PDF ISBN 978-92-899-4111-2, ISSN 2443-4914, doi:10.2866/990939, QB-BS-20-001-MT-Q

  1. F’dan id-dokument, iċ-ċifri ppreżentati jistgħu ma jammontawx b'mod preċiż għat-totali, u l-perċentwali jistgħu ma jirriflettux b'mod preċiż iċ-ċifri assoluti minħabba żieda/tnaqqis sal-eqreb ċifra sħiħa.
  2. Ir-“rapporti finanzjarji” jinkludu l-Karta tal-Bilanċ, il-Kont tal-Profitt u t-Telf u n-noti relatati. Il-“Kontijiet Annwali” jinkludu r-rapporti finanzjarji, ir-rapport amministrattiv, ir-rapport tal-awditur u n-nota dwar it-tqassim tal-qligħ/l-allokazzjoni tat-telf.
  3. Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.
  4. L-APP jikkonsisti mit-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP3), il-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP), il-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP) u l-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP). Il-BĊE ma jakkwistax titoli fis-CSPP. Dettalji oħra fuq l-APP jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
  5. Fl-2019, l-għadd u l-valur ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni fl-Eurosistema żdied b’madwar 5% għal €1,293 biljun. Il-BĊE għandu 8% mill-valur totali tal-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Dan is-sehem huwa rreġistrat taħt il-partiti “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” u “Talbiet fi ħdan l-Eurosistema”
  6. Ara l-istqarrija għall-istampa tat-12 ta’ Settembru 2019 dwar id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.
  7. L-amortizzazzjoni toħroġ mill-prinċipju tal-kontabilità li jeħtieġ li t-titoli jiġu rivalutati 'l fuq jew 'l isfel maż-żmien lejn id-data tal-maturità tagħhom skont jekk inxtrawx bi prezzijiet taħt jew iktar mill-valur nominali tagħhom. L-investimenti tal-APP nxtraw bħala medja, bi premium, u, konsegwentement, kollox ma’ kollox, il-valur kontabbli tal-investimenti qed jonqos maż-żmien.
  8. Dawn l-investimenti jikkonsistu f’assi inklużi taħt il-pożizzjonijiet tal-karta tal-bilanċ “Klejms fuq residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’munita barranija – Bilanċi ma’ banek u investimenti f’titoli, self estern u assi esterni oħra u “Klejms fuq residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”.
  9. L-ispejjeż imġarrba mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu jiġu rkuprati permezz ta’ tariffi annwali imposti fuq entitajiet taħt superviżjoni.
  10. Il-partita tal-karta tal-bilanċ “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” tinkludi wkoll il-kalkoli ġodda fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg.
  11. Id-dħul tal-BĊE fuq il-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni jinkludi d-dħul mill-imgħax dovut lill-BĊE fuq ir-remunerazzjoni tal-klejms tiegħu fi ħdan l-Eurosistema fuq il-BĊN relatati mas-sehem tiegħu ta’ 8% tat-total ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni.
  12. It-tariffi superviżorji huma inklużi fi “Dħul u spejjeż oħra” (ara ċ-Ċart 11).
  13. L-ES huwa definit bħala telf medju tal-probabbiltà peżat li jseħħ fl-agħar (1-p)% xenarji, fejn p jindika l-livell ta’ fiduċja.
  14. Aktar dettalji dwar il-metodu tal-mudelli tar-riskju jinsabu fi “The financial risk management of the Eurosystem’s monetary policy operations”, BĊE, Lulju 2015.
  15. Ir-riskju operattiv hu definit bħala r-riskju ta' impatt negattiv finanzjarju, tan-negozju jew ta’ reputazzjoni li jirriżulta min-nies, mill-implimentazzjoni inadegwata jew mill-falliment tal-proċessi ta’ governanza interna u tan-negozju, mill-falliment tas-sistemi li minnhom jiddependu dawn il-proċessi, jew minn avvenimenti esterni (e.g. diżastri naturali jew attakki esterni).
  16. Aktar tagħrif dwar l-istruttura tal-governanza tal-BĊE jinsab fil-websajt tal-BĊE.
  17. Il-Politika tal-Kontabilità ddettaljati tal-BĊE huma stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 1), kif emendata. Biex jiġi żgurat ir-rappurtar armonizzat tal-kontabilità u l-finanzi tal-operazzjonijiet tal-Eurosistema, id-Deċiżjoni hi bbażata fuq Linja Gwida (EU) 2016/2249 tal-BĊE tat-3 ta' Novembru 2016 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (BĊE/2016/34) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 37kif emendata. Din il-politika, li tiġi eżaminata u aġġornata regolarment skont kif jixraq, hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-SEBĊ, li jitolbu approċċ armonizzat għar-regoli tar-rappurtar kontabilistiku u finanzjarju tal-operazzjonijiet tal-Eurosistema.
  18. Limitu minimu ta’ €100,000 japplika għal maturazzjonijiet u provvedimenti aministrattivi.
  19. Fil-31 ta’ Diċembru 2019, il-BĊN mhux fiż-żona tal-euro li ħadu sehem fit-TARGET2 kienu Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru), Danmarks Nationalbank, Hrvatska narodna banka, Narodowy Bank Polski u Banca Naţională a României.
  20. Il-fondi akkumulati minn membru tal-persunal permezz ta’ kontribuzzjonijiet volontarji jistgħu jintużaw meta jirtiraw biex jixtru pensjoni addizzjonali. Din il-pensjoni tiġi inkluża fl-obbligu tal-benefiċċji definiti minn dak il-mument ’il quddiem.
  21. Deċiżjoni tal-BĊE tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro (riformulata), (BĊE/2010/29) (2011/67/UE) (ĠU L 35, 9.2.2011, p. 26), kif emendata.
  22. “Skema tal-allokazzjoni tal-karti tal-flus” tfisser il-perċentwali li jirriżulta meta jitqies is-sehem tal-BĊE mill-ħruġ totali ta’ karti tal-euro u tiġi applikata l-iskema tal-kapital sottoskritt għas-sehem tal-banek ċentrali nazzjonali minn dak it-total.
  23. Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (BĊE/2016/36) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 26).
  24. Id-Deċiżjoni (UE) 2015/298 tal-BĊE tal-15 ta’ Diċembru 2014 dwar it-tqassim interim tad-dħul tal-BĊE (riformulazzjoni) (BĊE/2014/57) (ĠU L 53, 25.2.2015, p. 24), kif emendata.
  25. Dan jikkorrispondi għal piż ta’ 504.8 tunnellata.
  26. Dawn l-investimenti jikkonsistu f’assi li minnhom jitnaqqsu l-obbligazzjonijiet denominati fil-munita barranija partikolari li huma soġġetti għal rivalutazzjoni tal-munita barranija. Jidħlu taħt l-intestaturi “Klejms fuq residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”, “Klejms fuq residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”, “Dovuti u spejjeż imħallsin bil-quddiem”, “Differenzi fir-rivalutazzjoni ta’ strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” (in-naħa tal-passiv) u “Dovuti u dħul miġbura bil-quddiem” u jinkludu t-tranżazzjonijiet forward u swap tal-kambju barrani inklużi f’partiti esklużi mill-karta tal-bilanċ. Il-qligħ fuq il-prezz ta’ strumenti finanzjarji denominati f’munita barranija li jkun ġej minn rivalutazzjonijiet mhuwiex inkluż.
  27. Il-BĊE ma jakkwistax titoli fil-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP).
  28. L-APP jikkonsisti fit-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds koperti (CBPP3), l-ABSPP, il-PSPP u s-CSPP. Dettalji oħra fuq l-APP jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
  29. Il-valuri tas-suq huma indikattivi u jinħadmu abbażi ta’ kwotazzjonijiet tas-suq. Meta l-kwotazzjonijiet tas-suq ma jkunux disponibbli, il-prezzijiet tas-suq jiġu kalkulati bl-użu ta’ mudelli interni tal-Eurosistema.
  30. Mis-16 ta’ Marzu 2016 ir-rata tal-imgħax użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament kienet 0.00%.
  31. It-tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli li ma jirriżultawx f’kollateral ta’ flus kontanti mhux investit fi tmiem is-sena jidħlu fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ (ara n-nota 16 “Programmi ta’ self ta’ titoli”).
  32. EURO1 u RT1 huma sistemi ta' pagament imħaddma minn ABE CLEARING S.A.S à capital variable (EBA Clearing).
  33. L-ispiża kurrenti tas-servizz tiġi kalkulata bir-rata ta’ skont li kienet tapplika fis-sena ta’ qabel.
  34. Dawn il-piżijiet ġew aġġustati wkoll kull meta jkun hemm bidla fil-kompożizzjoni ta’ BĊN li jikkontribwixxu għall-kapital tal-BĊE. Dawn huma l-BĊN tal-istati Membri tal-UE.
  35. Id-dejta statistika użata għal dan l-aġġustament ġiet notifikata lill-BĊE mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/517/KE tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar id-data statistika li għandha tintuża għal l-aġġustament tal-formula għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 411).
  36. Il-BĊE ma jixtrix titoli fis-CSPP u għalhekk m’għandux investimenti relatati disponibbli għas-self.
  37. Jekk kollateral fi flus kontanti jibqa’ mhux investit fi tmiem is-sena, dawn it-tranżazzjonijiet jidħlu f’kontijiet inklużi fil-karti tal-bilanċ (ara n-nota 8 “Obbligazzjonijiet oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro” u n-nota 10 “Obbligazzjonijiet ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”).
  38. Ara l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2014/41) (ĠU L 311, 31.10.2014, p. 23).
  39. Fir-rigward tal-perjodu tariffarju 2020, it-tariffi superviżorji tal-BĊE jiġu kkalkulati wara l-għeluq tal-perjodu tariffarju skont ir-Regolament (UE) 2019/2155 tal-BĊE tal-5 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2019/37) (ĠUL 327, 17.12.2019, p. 70).
  40. Ekwivalenti full-time (FTE) huwa unità ekwivalenti għal impjegat wieħed li jaħdem full-time għal sena. Persunal b’kuntratti permanenti, fissi jew għal żmien qasir u parteċipanti fil-Programm tal-Gradwati tal-BĊE huma inklużi proporzjonalment mas-sigħat li jaħdmu. Persunal fuq leave tal-maternità jew tal-leave għal żmien twil hu inkluż wkoll, waqt li persunal fuq leave mhux imħallas hu eskluż.
  41. L-ammonti huma moghtija gross, i.e. qabel it-tnaqqis ta’ taxxi għall-benefiċċju tal-UE.
  42. Għall-ammont nett li għandu jitħallas mill-Kont tal-Profitt u t-Telf fir-rigward tal-arranġamenti tal-pensjoni għall-membri attwali tal-Bord Eżekuttiv u l-membri attwali tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE ara n-nota 12.3, “Varji”.
  43. Il-BĊN barra ż-żona tal-euro ma huma intitolati jirċievu ebda sehem mill-profitt tal-BĊE li jista’ jitqassam u lanqas ma huma obbligati jagħmlu tajjeb għal xi telf tal-BĊE.
  44. Skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ, is-somma tad-dħul monetarju tal-BĊN għandha tiġi allokata lill-BĊN fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom fil-kapital tal-BĊE.