Bidliet fil-proċedura tas-sejħiet għall-offerti u fil-wisa’ tal-faxxa tal-faċilitajiet permanenti
Illum il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda, permezz tas-sistema tat-telekonferenzi, dwar iż-żewġ miżuri li ġejjin:
- Mill-operazzjoni li għandha tiġi regolata fil-15 ta’ Ottubru, l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament ta’ kull ġimgħa se jitwettqu permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti b’rata fissa fejn l-allokament kollu jkun bir-rata ta’ l-imgħax fuq l-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament, jiġifieri bħalissa bi 3.75%.
- Mid-9 ta’ Ottubru, il-BĊE se jnaqqas il-wisa’ tal-faxxa tal-faċilitajiet permanenti minn 200 punt bażi għal 100 punt bażi madwar ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament. Għalhekk, mid-9 ta’ Ottubru, ir-rata tal-faċilità tas-self marġinali se tonqos minn 100 għal 50 punt bażi iżjed mir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament, jiġifieri bħalissa għal 4.25%, u r-rata tal-faċilità tad-depożitu se tiżdied minn 100 għal 50 punt bażi inqas mir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament, jiġifieri bħalissa għal 3.25%.
Iż-żewġ miżuri se jibqgħu fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ, u mill-inqas sa tmiem l-ewwel perijodu ta’ manteniment tal-2009, fl-20 ta’ Jannar.
Il-BĊE se jibqa’ jmexxi l-likwidità lejn kondizzjonijiet ibbilanċjati b’tali mod li hu konsistenti mal-għan taż-żamma tar-rati fuq żmien qasir qrib ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja