Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Is-sistema bankarja parallela u r-reviżjoni tal-istrateġija

Il-politika monetarja tagħna tilħaq lin-nies u lin-negozji permezz tas-sistema finanzjarja. Għalhekk, huwa importanti li wieħed iżomm għajnejh fuq kif maż-żmien is-sistema finanzjarja tinbidel. Waħda minn dawn il-bidliet hija li, flimkien mal-banek tradizzjonali, issa hemm ħafna aktar atturi fis-sistema finanzjarja li l-attivitajiet tagħhom jeħtieġ li nifhmu.

Għaliex is-sistema bankarja parallela kienet parti mir-reviżjoni tal-istrateġija tagħna?

Nifhmu kif tikber l-ekonomija

Xogħolna hu li nżommu l-prezzijiet stabbli. Biex nagħmlu dan tajjeb, irridu nifhmu kif taħdem l-ekonomija tagħna. L-ekonomija tagħna hija bħal magna magħmula minn partijiet differenti. Parti ewlenija hija s-sistema finanzjarja. Dan jinkludi l-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u s-swieq finanzjarji, fost l-oħrajn. Is-sistema finanzjarja tgħin fiċ-ċirkolazzjoni tal-flus fl-ekonomija meta u lejn fejn ikun meħtieġ.

Ekonomija li qed tinbidel, sistema finanzjarja li qed tinbidel

L-ekonomija nbidlet ħafna mill-2003, meta għamilna l-aħħar reviżjoni tal-istrateġija. Waħda minn dawn il-bidliet hija l-mod kif il-kumpaniji jiffinanzjaw lilhom infushom. Fil-passat, huma spiss issellfu minn banek. Filwaqt li s-self mill-banek għadu sors importanti ħafna ta’ finanzjament fiż-żona tal-euro, modi oħra issa qed isiru aktar komuni. Pereżempju, il-kumpaniji l-kbar qed jiffinanzjaw lilhom infushom dejjem aktar billi joħorġu bonds korporattivi. U dawn il-bonds korporattivi, min-naħa tagħhom, spiss jinħatfu minn istituzzjonijiet finanzjarji li jistgħu jaġixxu bħal banek normali iżda mhumiex soġġetti għal daqstant regoli. Huwa għalhekk li dawn ġew imsejħa “banek paralleli”.

Il-politika monetarja tagħna taħdem permezz tas-sistema finanzjarja

Huwa importanti li nibqgħu aġġornati ma’ żviluppi bħal dawn minħabba li l-politika monetarja tagħna tilħaq lin-nies, lin-negozji u lill-gvernijiet permezz tas-sistema finanzjarja. Huwa għalhekk li l-Kunsill Governattiv iddiskuta s-sistema bankarja parallela bħala parti mir-Reviżjoni tal-Istrateġija tagħna.

Is-sistema bankarja parallela kif taffettwa l-politika monetarja tagħna?

M’għadhiex biss dwar ir-rati tal-imgħax iżda għodod oħra tal-politika monetarja wkoll

Il-mod kif nużaw l-għodod tal-politika monetarja tagħna jiddependi parzjalment fuq il-mod kif taħdem is-sistema finanzjarja biex il-fondi jiġu diretti fi ħdan l-ekonomija. Ħu r-rati tal-imgħax tagħna. Billi naġġustaw ir-rati tal-imgħax tagħna, ninfluwenzaw kemm ikun għoli għan-nies u l-kumpaniji biex jissellfu l-flus mill-banek. Dan imbagħad jaffettwa l-infiq u l-investiment tagħhom, u min-naħa l-oħra kif jiżviluppaw il-prezzijiet.

Iżda jekk is-self mill-banek isir inqas importanti għal dawk li jeħtieġu l-kreditu, dan jaffettwa wkoll kif il-bidliet fir-rati tal-imgħax tagħna jaffettwaw l-attività ekonomika usa’. Din hi waħda mir-raġunijiet għalfejn nużaw għodod oħra tal-politika monetarja biex jgħinu biex il-prezzijiet jinżammu stabbli. Pereżempju, ħares lejn ix-xiri tal-assi tagħna. Permezz tax-xiri ta’ assi – bħal bonds korporattivi – nistgħu nagħmluha orħos għall-kumpaniji biex jiffinanzjaw lilhom infushom b’dan il-mod. Dan jista’ jgħin l-ekonomija u jappoġġa l-istabbiltà tal-prezzijiet.

Is-sistema bankarja parallela tista’ tkun riskjuża għall-ekonomija

Tista’ tkun aħbar tajba li l-kumpaniji m’għadhomx dipendenti daqs kemm kienu jiddependu darba fuq is-self mill-banek. Jekk il-banek m’humiex sejrin tajjeb, jistgħu jnaqqsu kemm isellfu. Dan jista’, min-naħa tiegħu, jagħmel ħsara lil dawk il-kumpaniji li jeħtieġu aċċess għall-finanzjament. Sorsi oħra ta’ finanzjament jistgħu jkunu tassew utli għall-kumpaniji f’mumenti bħal dawn.

Iżda hemm ir-riskji wkoll. Pereżempju, il-banek paralleli mhumiex regolati daqs banek normali. Dan ifisser li jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar riskjużi minħabba li r-regoli għalihom mhumiex daqshekk stretti. Jekk dawk id-deċiżjonijiet ifallu, dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jintlaqtu minn telf kbir. Jekk il-banek paralleli jkunu kbar biżżejjed, dan jista’ jwassal ukoll biex is-sistema finanzjarja kollha ma tkunx stabbli. Dan jistaʼ jweġġaʼ lill-ekonomija. U għax nieħdu deċiżjonijiet bl-ekonomija f’moħħna, dan jaffettwa l-politika monetarja tagħna.

B’ħarsa ’l quddiem, il-BĊE kif jikkunsidra s-sistema bankarja parallela?

Il-Kunsill Governattiv iddiskuta s-sistema bankarja parallela bħala parti mill-analiżi tiegħu tal-istrateġija għax huwa importanti li dawn il-bidliet fis-sistema finanzjarja jinżammu fuq ir-radar tagħna. Billi nkomplu nifhmu kif taħdem l-ekonomija, nistgħu niżguraw li nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba biex inżommu l-prezzijiet stabbli.

KOMPLI AQRA
Intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja fiż-żona tal-euro: implikazzjonijiet għat-trażmissjoni tal-politika monetarja u l-vulnerabbiltajiet ewlenin
REVIŻJONI TAL-ISTRATEĠIJA
Trid aktar informazzjoni?