Mistoqsijiet komuni fuq it-tkabbir tal-UE u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)
Liema pajjiżi daħlu fl-UE wara li twaqqaf il-BĊE fl-1998?
Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja saru membri tal-UE fl-1 ta' Mejju 2004. Il-Bulgarija u r-Rumanija ssieħbu fl-UE fl-1 ta' Jannar 2007 u l-Kroazja fl-1 ta' Lulju 2013.
Bħalissa hemm ħames pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-UE: l-Albanija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija. Il-kriterji tas-sħubija, li huma l-istess għall-pajjiżi kollha, ġew definiti mill-Kunsill Ewropew li sar f’Kopenħagen fl-1993.
L-Istati Membri l-ġodda jadottaw l-euro awtomatikament meta jissieħbu fl-UE?
Le. Madankollu huma jkunu mistennija jagħmlu dan meta jissodisfaw il-kriterji ta’ konverġenza ta’ Maastricht. Għall-kuntrarju tad-Danimarka, l-Istati Membri l-ġodda tal-UE ma jistgħux jagħżlu li jibqgħu barra mill-munita unika.
Hemm xi skeda fissa ta' żmien biex l-Istati Membri l-ġodda jadottaw l-euro?
Le m'hemmx, kif wieħed jista' jara min-nota tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE fil-"Pożizzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar kwistjonijiet tar-rati tal-kambju relatati mal-pajjiżi aderenti" ippubblikata fit-18 ta' Diċembru 2003. Biex ikunu jistgħu jadottaw l-euro l-pajjiżi jrid ikollhom livell għoli ta’ konverġenza ekonomika sostenibbli. Dan jiġi valutat mill-Kunsill tal-UE skont ir-rapporti maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea u mill-BĊE dwar il-livell ta' konverġenza li dawn il-pajjiżi jkunu laħqu mal-kriterji ta’ Maastricht. Ir-rapporti jsiru mill-anqas darba kull sentejn jew wara talba mill-Istat Membru li jkun jixtieq jadotta l-euro.
X’inhuma l-kriterji ta’ konverġenza?
Biex ikunu jistgħu jadottaw l-euro l-Istati Membri jrid ikollhom livell għoli ta’ konverġenza ekonomika sostenibbli. Dan jitqies skont kemm ikunu ntlaħqu l-kriterji ta’ konverġenza stipulati fl-Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li huma mfissra b’iżjed dettalji fil-Protokoll anness mat-Trattati. Il-kriterji jinkludu dan li ġej:
- “Il-kisba ta’ livell għoli ta’ stabbiltà fil-prezzijiet”. Dan ifisser li “Stat Membru jkollu grad ta’ stabbiltà fil-prezzijiet li jkun sostenibbli u rata medja ta’ inflazzjoni, osservata fuq perjodu ta’ sena qabel l-eżami, li ma taqbiżx b’iżjed minn 1.5% lil dik ta’, fil-massimu, l-aħjar tliet Stati Membri f’dak li jirrigwarda stabbiltà fil-prezzijiet”;
- “Is-sostenibbiltà tal-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern”. Dan ifisser li, fiż-żmien tal-eżami, l-Istat Membru m’għandux jitqies mill-Kunsill li jkollu defiċit eċċessiv. Il-Kunsill jiddeċiedi jekk ikunx hemm defiċit eċċessiv jew le billi jirreferi:
- għall-proporzjon bejn id-defiċit tal-gvern, previst jew attwali, u l-PDG bil-prezzijiet tas-suq, li m’għandux jaqbeż it-3%,
- għall-proporzjon bejn id-dejn tal-gvern u l-PDG bil-prezzijiet tas-suq, li m’għandux jaqbeż is-60%.
- “L-osservanza tal-marġini normali ta’ varjazzjoni stipulati mill-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea, għal tal-anqas sentejn, mingħajr ma jkun hemm żvalutazzjoni kontra l-euro”. Meta titqies il-konformità ma’ dan il-kriterju, l-enfasi għandha tkun fuq kemm ir-rata tal-kambju tkun qrib ir-rata ċentrali tagħha mal-euro minn tal-anqas għal perjodu ta' sentejn mingħajr tensjonijiet qawwija, waqt li jitqiesu wkoll fatturi li setgħu wasslu għal apprezzament tar-rata tal-kambju.
- "Id-dewmien tal-konverġenza [...] jiġi rifless fil-livelli tar-rati tal-interessi fit-tul". Dan ifisser li ''Stat Membru, osservat fuq perjodu ta’ sena qabel l-eżami, kellu medja tar-rata tal-imgħax nominali għal żmien fit-tul li ma taqbiżx b’aktar minn żewġ punti perċentwali, bħala massimu, dik tal-aħjar tliet Stati Membri f'dik li hi stabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rati tal-imgħax għandhom jitkejlu fuq il-bażi ta’ bonds tal-gvern għal żmien fit-tul jew titoli komparabbli, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”.
- Fl-aħħar, il-valutazzjoni għandha tqis diversi fatturi oħra, bħar-"riżultati tal-integrazzjoni tas-swieq, is-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-bilanċi tal-pagamenti fil-kont kurrenti u eżami tal-iżvilupp tal-ispejjeż tax-xogħol għal kull unità u indiċijiet oħra tal-prezzijiet".
Il-membri l-ġodda fl-UE jridu jidħlu fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II) u, jekk iva, b'liema kundizzjonijiet?
Ir-Riżoluzzjoni tal-ERM II tgħid li “il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju għandha tkun volontarja għall-Istati Membri barra ż-żona tal-euro. Madankollu, l-Istati Membri b’deroga huma mistennija jissieħbu fil-mekkaniżmu. Stat Membru li ma jiħux sehem mill-ewwel fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju jista’ jipparteċipa fih f’data aktar tard.” M’hemmx kundizzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu sodisfatti minn qabel, iżda għandu jintlaħaq ftehim komuni dwar ir-rata ċentrali u l-firxa ta' varjazzjoni. Fl-istess waqt, kif jissemma aktar 'il fuq, il-parteċipazzjoni fl-ERM II għal tal-anqas sentejn qabel ma tiġi valutata l-konverġenza hija waħda mill-kriterji li għandhom jiġu sodisfatti qabel ma jiġi adottat l-euro (ara wkoll il-“Pożizzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar kwistjonijiet tar-rati tal-kambju relatati mal-pajjiżi aderenti” ippubblikata fit-18 ta’ Diċembru 2003).
X’inhu s-sehem tal-BĊE meta jiġu ffissati r-rati ċentrali ta’ parità tal-muniti tal-pajjiżi aderenti
vis-à-vis l-euro fl-ERM II?
Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Amsterdam tas-16 ta’ Ġunju 1997, id-deċiżjonijiet dwar ir-rati ċentrali fl-ERM II jittieħdu permezz ta’ ftehim reċiproku bejn il-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, il-BĊE u l-Ministri tal-Finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro iżda jipparteċipaw fil-mekkaniżmu l-ġdid, bi proċedura komuni mal-Kummissjoni Ewropea u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Il-Ministri tal-Finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri li mhumiex fl-ERM II jistgħu jieħdu sehem iżda m’għandhomx dritt jivvutaw fil-proċedura. Il-partijiet kollha mdaħħla fil-ftehim reċiproku, fosthom il-BĊE, għandhom dritt jibdew proċedura kunfidenzjali biex jitqiesu mill-ġdid ir-rati ċentrali (ara wkoll il-“Pożizzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar kwistjonijiet tar-rati tal-kambju relatati mal-pajjiżi aderenti” ippubblikata fit-18 ta’ Diċembru 2003).
X’vantaġġi ekonomiċi jġib miegħu t-tkabbir taż-żona tal-euro?
L-euro jelimina r-riskji marbuta mar-rati tal-kambju bejn il-pajjiżi li jadottawh u b’hekk jonqsu r-rati tal-imgħax, waqt li l-pajjiżi jgawdu mill-benefiċċji tal-istabbiltà fil-prezzijiet. Dan huwa l-għan ewlieni tal-BĊE. L-euro jwitti t-triq ukoll għal suq tal-kapital profond, likwidu u integrat fost il-pajjiżi li jadottawh. Meta jkunu qegħdin jivvjaġġaw fiż-żona tal-euro, iċ-ċittadini ma jkollhomx għalfejn ibiddlu l-flus u jħallsu kull darba li jagħmlu din it-tranżazzjoni. Madankollu, biex pajjiż ikun jista’ jisfrutta għalkollox dawn il-benefiċċji, irid ikun imħejji għall-euro. Dan jiġi valutat skont il-kriterji ta’ konverġenza ta’ Maastricht.
X'setgħat għandu l-BĊE fil-proċess tat-tkabbir tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)?
Kemm il-BĊE kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jħejju rapporti ta’ konverġenża kull sentejn jew wara talba ta’ Stat Membru li jkollu deroga. Dawn ir-rapporti jipprovdu s-sisien għad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar jekk l-Istat Membru partikolari jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikun jista’ jadotta l-euro. Ir-rapporti ta' konverġenza kollha tal-BĊE jinsabu fit-taqsima
Pubblikazzjonijiet ta' din il-websajt. Barra s-sehem tiegħu fl-eżerċizzju tal-konverġenza, il-BĊE jikkoopera wkoll mal-banek ċentrali nazzjonali tal-membri l-ġodda tal-UE biex jgħinhom jintegraw ruħhom bla xkiel fil-qafas operattiv tal-Eurosistema.
F'liema korpi tal-BĊE jidħlu l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri l-ġodda tal-UE? U f'liema korpi jissieħbu meta pajjiżhom jadotta l-euro?
Il-banek ċentrali tal-Istati Membri l-ġodda tal-UE huma membri sħaħ tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) waqt li l-gvernaturi rispettivi tagħhom isiru membri sħaħ tal-Kunsill Ġenerali. L-esperti tal-banek ċentrali fil-Kumitati tas-SEBĊ għandhom status ta’ membri sħaħ meta l-kumitati jiltaqgħu fil-livell tas-SEBĊ, i.e. flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali kollha tal-UE u mhux biss dawk taż-żona tal-euro. Wara li l-Istati Membri l-ġodda jadottaw l-euro, il-gvernaturi tal-banek ċentrali rispettivi jsiru membri tal-Kunsill Governattiv u l-esperti tagħhom isiru membri tal-Kumitati tas-SEBĊ li jiltaqgħu fil-livell tal-Eurosistema (i.e. mal-banek ċentrali nazzjonali kollha taż-żona tal-euro).
Jistgħu l-Istati Membri l-ġodda jibdew jużaw l-euro bħala munita parallela (magħrufa bħala “euroizzazzjoni”) qabel ma jissieħbu fl-Eurosistema?
L-"euroizzazzjoni" tmur kontra r-raġunament ekonomiku fundamentali tal-UEM li jipprevedi l-adozzjoni eventwali tal-euro bħala l-punt ta' wasla ta' proċess ta’ konverġenza f'qafas multilaterali. Il-fażijiet stipulati fit-Trattat dwar kif għandu jiġi adottat l-euro ma jistgħux jinqabżu permezz ta’ euroizzazzjoni unilaterali.
Jista' Stat Membru tal-UE jżomm il-
currency board arrangement (CBA) li jkollu meta jissieħeb fl-ERM II?
L-ERM II huwa arranġament multilaterali fejn il-muniti tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jiġu stabilizzati mal-euro u d-deċiżjonijiet jittieħdu bi ftehim reċiproku bejn il-partijiet involuti. Stat Membru jista’ jżomm arranġament ta' bord tal-munita (CBA) ibbażat fuq l-euro bħala rabta unilaterali fl-ERM II sakemm ikun hemm ftehim reċiproku dwar ir-rata tal-kambju ffissata skont dak l-arranġament li mbagħad isservi bħala r-rata ċentrali tal-ERM II għal dik il-munita. L-arranġamenti li ma jkunux ibbażati fuq l-euro mhumiex kompatibbli mal-parteċipazzjoni fl-ERM II. B’mod iżjed ġenerali, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE la jinkoraġġixxi u lanqas jiskoraġġixxi dawn l-arranġamenti. F'kull każ, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala alternattiva għall-parteċipazzjoni ta' sentejn fl-ERM II (ara l-“Pożizzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar kwistjonijiet tar-rati tal-kambju relatati mal-pajjiżi aderenti” ippubblikata fit-18 ta’ Diċembru 2003 u msemmija iżjed 'il fuq).
X’effett iħalli t-tkabbir tal-UE fuq l-istruttura tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE?
Il-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri kollha tal-UE huma membri sħaħ tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE, li jinkludi wkoll il-President u l-Viċi President tal-BĊE. Wara li l-Istati Membri l-ġodda jadottaw l-euro, il-gvernaturi tal-banek ċentrali rispettivi jsiru membri tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Madankollu, l-għadd tal-membri bi dritt għall-vot m'għandux jaqbeż 21: sitt drittijiet permanenti għall-vot imissu l-membri tal-Bord Eżekuttiv u ħmistax-il dritt għall-vot imissu l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali, b'sistema ta’ rotazzjoni. Il-membri kollha bi dritt għall-vot ikollhom vot wieħed, skont il-prinċipju ta’ vot wieħed għal kull persuna. Il-membri kollha għandhom dritt jattendu u jitkellmu.
L-Istati Membri l-ġodda li huma parti mis-SEBĊ iridu jissottoskrivu għall-kapital tal-BĊE?
Iva. Skont l-Istatut tas-SEBĊ il-banek ċentrali nazzjonali kollha li jagħmlu sehem mis-SEBĊ iridu jissottoskrivu għall-kapital tal-BĊE skont formola li tirriffletti l-proporzjon tad-daqs ta' pajjiżhom mill-popolazzjoni u l-PDG tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi li jkunu għadhom m’adottawx l-euro jħallsu 3.75% biss tal-ammont sħiħ tal-kapital sottoskritt minnhom.