Għaliex huma importanti il-prezzijiet stabbli?
8 ta' Mejju 2017 (aġġornat fit-25 ta' Awwissu 2021)
Li l-prezzijiet jinżammu stabbli hija l-aqwa kontribuzzjoni li jistgħu jagħmlu l-banek ċentrali għat-titjib tal-benessri individwali tan-nies
L-għan ewlieni tal-BĊE huwa li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Din hija l-aħjar kontribuzzjoni li jistgħu jagħmlu l-banek ċentrali għat-titjib tal-benessri individwali tan-nies
Prezzijiet stabbli jfisser li l-prezzijiet m’għandhomx jogħlew (inflazzjoni) b’mod sinifikanti u li għandu jiġi evitat ukoll kull perjodu twil ta’ roħs fil-prezzijiet (deflazzjoni). Perjodi twal ta’ inflazzjoni jew deflazzjoni eċċessiva jkollhom effetti negattivi fuq l-ekonomija. Billi l-prezzijiet stabbli jgħinu biex jiġi żgurat li l-ekonomija qed tikber, l-impjiegi jkunu siguri u tista’ tħossok kunfidenti li l-flus f’butek se jkunu jiswew bejn wieħed u ieħor l-istess għada bħal-lum.
Għaliex l-inflazzjoni għolja mhijiex ħaġa tajba?
Inflazzjoni għolja twassal għal żieda progressiva fil-prezzijiet. Dan jillimita l-poter ta’ xiri tiegħek li jfisser li inti tkun kapaċi tixtri inqas bi flusek.
Jekk il-prezzijiet ta’ ħafna affarijiet li nixtru jogħlew, nitilfu mis-saħħa tal-akkwist. Fi kliem ieħor, bi flusna – b’dak li ndaħħlu u nfaddlu – ma nibqgħux nixtru affarijiet daqskemm konna nixtru qabel. Dan jista’ jwassal għal żieda progressiva fil-prezzijiet.
Ir-raġuni hija li jekk kollox jibda jogħla, il-ħaddiema jitolbu żieda fil-pagi biex ilaħħqu mal-ħajja. Min iħaddem jirreaġixxi billi jgħolli l-prezzijiet tal-kumpanija sabiex jiffinanzja ż-żidiet fis-salarji li jitolbu l-ħaddiema. Jekk dan jiġri f’bosta kumpaniji, il-prezzijiet ta’ ħafna affarijiet ikomplu jogħlew, u hekk ikompli l-ispirall.
Imbagħad ikun diffiċli għalina u għan-negozji nippjanaw kemm se nfaddlu u ninvestu. In-nies għandhom mnejn jitilfu l-fiduċja fil-munita billi din tibda titlef il-valur tagħha bil-ħeffa. Dawn huma xi ftit eżempji ta’ effetti sekondarji negattivi li ġġib magħha l-inflazzjoni għolja.
Għaliex perjodi twal ta’ deflazzjoni mhumiex tajbin?
Perjodi twal ta’ deflazzjoni jistgħu jwasslu għal spirall ta’ roħs fil-prezzijiet. Dan jista’ jaffettwa n-negozji, l-individwi u l-infiq pubbliku b’mod negattiv.
Filwaqt li l-prezzijiet li jorħsu jistgħu jidhru tajbin għalik bħala konsumatur, roħs kontinwu u mifrux fil-prezzijiet fl-ekonomija li ma jkunx dovut għal titjib fil-produzzjoni hu problema minħabba li jista’ jwassal għal spiralli ta’ tnaqqis fil-prezzijiet.
Pereżempju, jekk tixtieq tixtri sufan ġdid imma tkun taf li l-prezz tiegħu se jorħos jekk tistenna ftit qabel ma tixtrih, x’aktarx tagħżel li tistenna. Jekk kulħadd jagħmel bħalek, tal-ħwienet jibdew ibatu għax jonqsilhom il-bejgħ tal-prodotti. Għalhekk ikollhom inaqqsu jew jiffriżaw il-pagi jekk mhux ukoll inaqqsu l-ħaddiema billi d-domanda tonqos, u dan iwassal għal żieda fil-qgħad.
Il-konsegwenzi negattivi tad-deflazzjoni jinħassu minn kulħadd.
L-ekonomija tibda tistaġna għax il-konsumaturi u n-negozji jonfqu u jinvestu inqas. Jekk ikollok xi dejn, ngħidu aħna għax tkun issellift mill-bank biex tibni jew tixtri dar, issibha iebsa tħallas is-self, l-aktar jekk id-dħul tiegħek jonqos.
L-istess jgħodd għall-finanzi pubbliċi. Id-dħul mit-taxxi jonqos billi l-introjtu u l-infiq jonqsu, imma d-dejn tal-gvern xorta jrid jitħallas. Minħabba f’hekk, in-nefqa pubblika fuq l-infrastruttura u l-kura tas-saħħa, ngħidu aħna, għandha mnejn tonqos. Il-konsegwenzi negattivi tad-deflazzjoni għalhekk jinħassu minn kulħadd.
Xogħlna huwa li nżommu l-istabbiltà tal-prezzijiet, kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-BĊE għamel definizzjoni kwantitattiva ta’ dan. Aħna nimmiraw għal inflazzjoni ta’ 2% fuq medda medja ta' żmien, kif imkejjel mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP). L-impenn tagħna għal din il-mira ta’ inflazzjoni huwa simetriku. Dan ifisser li nqisu l-inflazzjoni li hija baxxa wisq bl-istess mod negattiv daqs l-inflazzjoni li hija għolja wisq. It-tnejn li huma bl-istess ma humiex mixtieqa.
Din il-mira hija ċara u prevedibbli. Tgħinnek tippjana aħjar għall-ġejjieni billi jkollok ħjiel ta’ kif se jinbidlu l-prezzijiet fiż-żona tal-euro, bħala medja, matul iż-żmien. Dan imbagħad jgħinna nżommu l-prezzijiet stabbli.
L-għan tal-BĊE fir-rigward tal-istabbiltà tal-prezzijiet ikopri ż-żona tal-euro kollha kemm hi. Jieħu l-perspettiva għal żmien medju u jqis ir-rata tal-inflazzjoni fuq perjodu ta’ żmien, iktar milli jiffoka fuq perjodi qosra li jpaċu lil xulxin meta l-inflazzjoni tkun għolja jew baxxa ħafna.
Għal aktar profondità dwar dan:
Mira ċara
Il-mira tal-inflazzjoni tagħna ta’ 2% hija ċifra ċara li tinftiehem faċilment. Hija wkoll trasparenti u tagħmilha faċli għan-nies li jbassru kif il-prezzijiet se jinbidlu maż-żmien.
In-nies jużaw l-aspettattivi tagħhom dwar l-inflazzjoni biex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-infiq, is-self u l-investiment. Mira ċara fuq medda medja ta’ żmien tfisser li l-aspettattivi tan-nies jistgħu jkunu preċiżi, u dan jippromwovi prezzijiet stabbli b’mod ġenerali.
Marġni ta’ sigurtà
L-inflazzjoni taħt, iżda qrib, 2% tipprovdi marġni ta’ sigurtà kontra r-riskji potenzjali tad-deflazzjoni. Fil-każ ta’ deflazzjoni, l-għodod normali tal-politika monetarja (i.e. tibdil fir-rati tal-imgħax ewlenin) ikunu limitati. Naslu f’punt meta ma jagħmilx sens għal bank ċentrali li jkompli jnaqqas ir-rati tal-imgħax. Barra dan, anki l-inflazzjoni kontrollata għandha t-tendenza li biż-żmien tvarja madwar valur medju. Għalhekk, jekk bank ċentrali jinkorpora bafer li jkun ogħla minn żero, huwa jkollu jdur inqas ta’ sikwit għal miżuri oħra, bħal xiri ta’ assi -magħruf ukoll bħala faċilitazzjoni kwantitattiva - jew operazzjonijiet ta’ finanzjament għal żmien itwal.
Differenzi fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro
Il-BĊE jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet għaż-żona tal-euro kollha kemm hi. L-għan ta’ inflazzjoni ta’ 2% jħalli wisa’ għad-differenzi fir-rati tal-inflazzjoni bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro, li idealment għandhom jitwittew biż-żmien. Għan ogħla minn żero jgħin biex ma jħallix pajjiżi jew reġjuni jbatu minn rati tal-inflazzjoni baxxi żżejjed jekk mhux ukoll negattivi ħalli jagħmlu tajjeb għal pajjiżi oħra li jista’ jkollhom rati tal-inflazzjoni ogħla.
Aġġornat f’Awwissu 2021 biex jirrifletti l-eżitu tar-reviżjoni tal-istrateġija fl-2020-21.
TRID TKUN TAF AKTAR?
AQRA F’IKTAR DETTALL HAWNHEKK