- STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA
KONFERENZA STAMPA
Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 4 ta’ Mejju 2023
Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.
Il-prospetti tal-inflazzjoni jibqgħu għoljin wisq u għal żmien twil wisq. Fid-dawl tal-pressjonijiet ta’ inflazzjoni għolja kontinwa, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B'mod ġenerali, l-informazzjoni li dieħla tappoġġja fil-wisa’ l-valutazzjoni tal-prospetti għall-inflazzjoni fuq terminu medju li fassalna fil-laqgħa preċedenti tagħna. L-inflazzjoni nominali naqset matul l-aħħar xhur, iżda l-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet għadhom b’saħħithom. Fl-istess ħin, iż-żidiet tagħna tar-rati tal-passat qed jiġu trażmessi bil-qawwa lill-finanzjament taż-żona tal-euro u lill-kundizzjonijiet monetarji, filwaqt li d-dewmien u s-saħħa tat-trażmissjoni lill-ekonomija reali għadhom inċerti
Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati tal-politika jinġiebu għal livelli restrittivi biżżejjed biex jinkiseb ritorn f'waqtu tal-inflazzjoni għall-mira tagħna ta' terminu medju ta' tnejn fil-mija u se jinżammu f'dawk il-livelli sakemm ikun meħtieġ. Se nkomplu nsegwu approċċ dipendenti mid-data biex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari d-deċiżjonijiet tagħna dwar il-politika tar-rati, se jibqgħu ddeterminati mill-valutazzjoni tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Ir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jibqgħu l-għodda primarja tagħna biex nistabbilixxu l-pożizzjoni tal-politika monetarja. B’mod parallel, aħna se nkomplu naqqsu l-portafoll tal-programm tax-xiri tal-assi (APP) tal-Eurosistema b’pass imkejjel u prevedibbli. F'konformità ma' dawn il-prinċipji, il-Kunsill Governattiv jistenna li jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt l-APP minn Lulju 2023.
Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.
Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjegaw il-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.
Attività ekonomika
L-ekonomija taż-żona tal-euro kibret b’0.1 fil-mija fl-ewwel trimestru tal-2023, skont l-istima preliminari tal-Eurostat. Prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi, it-tnaqqis tal-konġestjonijiet fil-provvista u l-appoġġ tal-politika fiskali għad-ditti u l-unitajiet domestiċi kkontribwew għar-reżiljenza tal-ekonomija. Fl-istess ħin, id-domanda domestika privata, speċjalment il-konsum, x'aktarx li baqgħet dgħajfa.
Il-fiduċja tan-negozju u tal-konsumatur irkuprat b'mod kostanti f'dawn l-aħħar xhur iżda għadha aktar dgħajfa minn qabel il-gwerra mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukraina u n-nies tagħha. Naraw diverġenza bejn is-setturi tal-ekonomija. Is-settur tal-manifattura qed jaħdem permezz ta’ ordnijiet b’lura, iżda l-prospetti tiegħu qed imorru għall-agħar. Is-settur tas-servizzi qed jikber b'mod aktar qawwi, speċjalment minħabba l-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija.
Id-dħul tal-unitajiet domestiċi qed jibbenefika mis-saħħa tas-suq tax-xogħol, bir-rata tal-qgħad tinżel għal livell baxx storiku ġdid ta’ 6.5 fil-mija f’Marzu. L-impjiegi komplew jikbru u sigħat totali maħduma jaqbżu l-livelli ta’ qabel il-pandemija. Fl-istess ħin, in-numru medju ta’ sigħat maħduma għadu kemxejn taħt il-livell ta’ qabel il-pandemija u l-irkupru tiegħu waqaf minn nofs l-2022.
Hekk kif il-kriżi tal-enerġija tgħib, il-gvernijiet għandhom irreġġgħu lura l-miżuri ta’ appoġġ relatati fil-pront u b’mod miftiehem biex jevitaw li jgħollu l-pressjonijiet inflazzjonarji fuq medda medja ta’ żmien, li jkun jitlob rispons ta’ politika monetarja aktar b’saħħitha. Il-politiki fiskali għandhom ikunu orjentati lejn li l-ekonomija tagħna ssir aktar produttiva u li gradwalment tnaqqas id-dejn pubbliku għoli. Politiki li jtejbu l-kapaċità tal-provvista taż-żona tal-euro, speċjalment fis-settur tal-enerġija, jistgħu wkoll jgħinu biex jitnaqqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet fuq żmien medju. F’dan ir-rigward, nilqgħu l-pubblikazzjoni tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni Ewropea għar-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, li għandha tiġi konkluża dalwaqt.
L-inflazzjoni
Skont l-istima preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni kienet ta’ 7.0 fil-mija f’April, wara li niżlet minn 8.5 fil-mija fi Frar għal 6.9 fil-mija f’Marzu. Filwaqt li l-effetti bażi wasslu għal xi żieda fl-inflazzjoni tal-prezz tal-enerġija, minn -0.9 fil-mija f’Marzu għal 2.5 fil-mija f’April, ir-rata hija ferm inqas minn dawk irreġistrati wara l-bidu tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukraina. L-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel għadha elevata, madankollu, u tlaħħaq għal 13.6 fil-mija f'April, wara 15.5 fil-mija f'Marzu.
Il-pressjonijiet tal-prezzijiet jibqgħu b'saħħithom. L-inflazzjoni esklużi l-enerġija u l-ikel kienet ta’ 5.6 fil-mija f'April, wara li naqset ftit meta mqabbla ma' Marzu biex reġgħet lura għal-livell tagħha ta' Frar. L-inflazzjoni tal-oġġetti industrijali mhux tal-enerġija niżlet għal 6.2 fil-mija f'April, minn 6.6 fil-mija f'Marzu, meta naqset għall-ewwel darba f'diversi xhur. Iżda l-inflazzjoni żdiedet għal 5.2 fil-mija f’Marzu, minn 5.1 fil-mija fi Frar. L-inflazzjoni għadha qed tiġi mbuttata 'l fuq mit-trażmissjoni gradwali taż-żidiet fil-passat fl-ispejjeż tal-enerġija u l-konġestjonijiet fil-provvista. Fis-servizzi, b'mod speċjali, għadha qed tiġi mbuttata aktar ‘il fuq wkoll minn domanda maħżuna mill-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija u biż-żieda fil-pagi. L-informazzjoni disponibbli sa Marzu tissuġġerixxi li l-indikaturi tal-inflazzjoni sottostanti baqgħu għoljin.
Il-pressjonijiet tal-pagi komplew jitqawwew hekk kif l-impjegati, f’kuntest ta’ suq tax-xogħol robust, jirkupraw ftit mis-setgħa tal-akkwist li tilfu b’riżultat ta’ inflazzjoni għolja. Barra minn hekk, f’ċerti setturi d-ditti setgħu jżidu l-marġini ta’ profitt tagħhom minħabba diskrepanzi bejn il-provvista u d-domanda u l-inċertezza maħluqa minn inflazzjoni għolja u volatili. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fit-tul bħalissa huma ta' madwar tnejn fil-mija, xi indikaturi żdiedu u jiġġustifikaw monitoraġġ kontinwu.
Valutazzjoni tar-riskji
Tensjonijiet imġedda fis-suq finanzjarju, jekk persistenti, joħolqu riskju negattiv għall-prospetti għat-tkabbir peress li jistgħu jissikkaw il-kundizzjonijiet tal-kreditu usa’ b’mod aktar qawwi milli mistenni u jnaqqsu l-fiduċja. Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukraina tibqa’ wkoll riskju ta’ tnaqqis sinifikanti għall-ekonomija. Madankollu, it-treġġigħ lura reċenti ta’ xokkijiet ħżiena fil-passat tal-provvista, jekk ikun sostnut, jista’ jixpruna l-fiduċja u jappoġġja tkabbir ogħla milli mistenni bħalissa. Ir-reżiljenza kontinwa tas-suq tax-xogħol, billi ssaħħaħ il-fiduċja u l-infiq tal-unitajiet domestiċi, tista’ wkoll twassal għal tkabbir ogħla milli kien antiċipat.
Għad hemm riskji b’xejra ta’ żieda sinifikanti għall-prospetti tal-inflazzjoni. Dawn jinkludu pressjonijiet eżistenti tal-pipeline li jistgħu jgħollu prezzijiet bl-imnut aktar milli mistenni fi żmien qrib. Barra minn hekk, il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukraina tista’ terġa' tgħolli l-ispejjeż tal-enerġija u l-ikel. Żieda persistenti fl-aspettattivi tal-inflazzjoni 'l fuq mill-mira tagħna jew ogħla minn żidiet antiċipati fil-pagi jew il-marġnijiet ta' profitt, jistgħu jixprunaw ukoll inflazzjoni ogħla, inkluż fuq żmien medju. Ftehimiet tal-pagi nnegozjati riċenti żiedu mar-riskji ogħla għall-inflazzjoni, speċjalment jekk il-marġini tal-profitt jibqgħu għoljin. Ir-riskji negattivi jinkludu tensjonijiet imġedda fis-suq finanzjarju, li jistgħu jbaxxu l-inflazzjoni aktar malajr milli previst. Domanda aktar dgħajfa, minħabba pereżempju tnaqqis aktar evidenti tas-self bankarju jew trażmissjoni aktar b'saħħitha tal-politika monetarja, twassal ukoll għal pressjonijiet tal-prezzijiet aktar baxxi milli mistenni bħalissa, speċjalment fuq terminu medju.
Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji
Is-settur bankarju taż-żona tal-euro wera reżiljenza quddiem it-tensjonijiet fis-suq finanzjarju li nqalgħu qabel l-aħħar laqgħa tagħna. Iż-żidiet tagħna fir-rati tal-politika qed jiġu trażmessi b'mod qawwi għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju u għall-kundizzjonijiet ta' finanzjament għad-ditti, l-unitajiet domestiċi u l-banek. Għad-ditti u l-unitajiet domestiċi, it-tkabbir tas-self ddgħajjef minħabba rati ogħla ta’ self, kundizzjonijiet ta’ provvista ta’ kreditu aktar stretti u domanda aktar baxxa. L-aħħar stħarriġ tagħna dwar is-self bankarju rrapporta ssikkar tal-istandards ġenerali tal-kreditu, li kien aktar b'saħħtu milli l-banek kienu stennew fir-rawnd preċedenti u jissuġġerixxi li s-self jista’ jiddgħajjef aktar. Self dgħajjef fisser li t-tkabbir tal-flus ukoll kompla jonqos.
Konklużjoni
Fil-qosor, il-prospetti tal-inflazzjoni jibqgħu għoljin wisq u għal żmien twil wisq. Fid-dawl tal-pressjonijiet ta’ inflazzjoni għolja kontinwa, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B'mod ġenerali, l-informazzjoni li dieħla tappoġġja fil-wisa’ l-valutazzjoni tal-prospetti għall-inflazzjoni fuq terminu medju li fassalna fil-laqgħa preċedenti tagħna. L-inflazzjoni nominali naqset matul l-aħħar xhur, iżda l-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet għadhom b’saħħithom. Fl-istess ħin, iż-żidiet tagħna tar-rati tal-passat qed jiġu trażmessi bil-qawwa lill-finanzjament taż-żona tal-euro u lill-kundizzjonijiet monetarji, filwaqt li d-dewmien u s-saħħa tat-trażmissjoni lill-ekonomija reali għadhom inċerti.
Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati tal-politika jinġiebu għal livelli ristrettivi biżżejjed biex jinkiseb ritorn f'waqtu tal-inflazzjoni għall-mira tagħna ta' terminu medju ta' tnejn fil-mija u se jinżammu f'dawk il-livelli sakemm ikun meħtieġ. Se nkomplu nsegwu approċċ dipendenti mid-data biex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari d-deċiżjonijiet tagħna dwar il-politika tar-rati, se jibqgħu ddeterminati mill-valutazzjoni tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u biex nippreservaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja