- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
L-Eurosistema tipproċedi għall-fażi li jmiss tal-proġett tal-euro diġitali
18 October 2023
- Il-Kunsill Governattiv se jibda l-fażi ta’ tħejjija tal-euro diġitali wara l-konklużjoni ta’ fażi ta’ investigazzjoni ta’ sentejn dwar id-disinn u d-distribuzzjoni ta’ euro diġitali
- Il-fażi ta’ tħejjija se tistabbilixxi l-pedamenti għal euro diġitali potenzjali, b’ħidma li tinkludi l-finalizzazzjoni tal-ġabra tar-regoli u l-għażla tal-fornituri għall-iżvilupp ta’ pjattaforma u ta’ infrastruttura
- Il-fażi ta’ tħejjija se twitti t-triq għal deċiżjoni futura potenzjali dwar il-ħruġ ta’ euro diġitali
Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum iddeċieda li jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-proġett tal-euro diġitali: il-fażi ta’ tħejjija.
Din id-deċiżjoni ssegwi t-tlestija tal-fażi ta’ investigazzjoni mnedija mill-Eurosistema f’Ottubru 2021 biex tesplora mudelli possibbli ta’ disinn u ta’ distribuzzjoni għal euro diġitali. Abbażi tas-sejbiet minn din il-fażi, spjegati fid-dettall f’rapport ippubblikat illum, il-BĊE iddisinja euro diġitali li jkun aċċessibbli b’mod wiesa’ għaċ-ċittadini u għan-negozji permezz ta’ distribuzzjoni minn intermedjarji taħt superviżjoni, bħall-banek.
Id-disinn jipprevedi l-euro diġitali bħala forma diġitali ta’ flus kontanti li tista’ tintuża għall-pagamenti diġitali kollha fiż-żona tal-euro kollha. Ikun aċċessibbli b’mod wiesa’, bla ħlas għall-użu bażiku u disponibbli kemm online kif ukoll offline. Joffri l-ogħla livell ta’ privatezza u jippermetti lill-utenti jħallsu l-pagamenti b’mod istantanju fi flus tal-bank ċentrali. Jista’ jintuża minn persuna għal oħra, fil-punt tal-bejgħ, fil-kummerċ elettroniku u fit-tranżazzjonijiet tal-gvern. L-ebda strument ta’ pagament diġitali ma joffri dawn il-karatteristiċi kollha. L-euro diġitali jimla dan il-vojt.
Il-fażi li jmiss tal-proġett tal-euro diġitali — il-fażi ta’ tħejjija — se tibda fl-1 ta’ Novembru 2023 u inizjalment se ddum sentejn. Se tinvolvi l-finalizzazzjoni tal-ġabra tar-regoli diġitali dwar l-euro u l-għażla ta’ fornituri li jistgħu jiżviluppaw pjattaforma u infrastruttura għall-euro diġitali. Se tinkludi wkoll l-ittestjar u l-esperimentazzjoni biex jiġi żviluppat euro diġitali li jissodisfa kemm ir-rekwiżiti tal-Eurosistema kif ukoll il-ħtiġijiet tal-utenti, pereżempju f’termini ta’ esperjenza tal-utent, il-privatezza, l-inklużjoni finanzjarja u l-impronta ambjentali. Il-BĊE se jkompli jimpenja ruħu mal-pubbliku u mal-partijiet ikkonċernati kollha matul din il-fażi. Wara sentejn, il-Kunsill Governattiv se jiddeċiedi jekk għandux jgħaddi għall-istadju li jmiss tat-tħejjijiet, biex iwitti t-triq għall-ħruġ u għall-introduzzjoni futuri possibbli ta’ euro diġitali.
It-tnedija tal-fażi ta’ tħejjija mhijiex deċiżjoni dwar jekk għandux jinħareġ euro diġitali. Dik id-deċiżjoni tiġi kkunsidrata biss mill-Kunsill Governattiv ladarba jitlesta l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea. Il-BĊE se jqis kwalunkwe aġġustament għad-disinn tal-euro diġitali li jista’ jsir meħtieġ b’riżultat tad-deliberazzjonijiet leġiżlattivi.
“Jeħtieġ li nħejju l-munita tagħna għall-futur,” qalet Christine Lagarde, il-President tal-BĊE. “Aħna qed naraw euro diġitali bħala forma diġitali ta’ flus kontanti li tista’ tintuża għall-pagamenti diġitali kollha, mingħajr ħlas, u li tissodisfa l-ogħla standards ta’ privatezza. Dan ikun jeżisti flimkien ma’ flus kontanti fiżiċi, li dejjem se jkunu disponibbli, u ma huwa se jħalli lil ħadd jibqa’ lura.”
L-euro diġitali jagħmel il-protezzjoni tad-dejta prijorità. L-Eurosistema ma tkunx tista’ tara d-dejta personali tal-utenti jew torbot l-informazzjoni dwar il-ħlas ma’ individwi. L-euro diġitali jikseb ukoll livell ta’ privatezza simili għal flus kontanti għall-pagamenti offlajn.
L-euro diġitali jippromwovi r-reżiljenza, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fis-settur tal-pagamenti Ewropew. Dan jiżgura li jkun hemm soluzzjoni ta’ pagament pan-Ewropea għaż-żona tal-euro taħt il-governanza Ewropea. Ikun jibbaża fuq l-infrastruttura tiegħu stess, u b’hekk tissaħħaħ ir-reżiljenza. U jipprovdi pjattaforma li fuqha l-intermedjarji sorveljati Ewropej ikunu jistgħu jibnu servizzi pan-Ewropej għall-klijenti tagħhom, iżidu l-effiċjenza, inaqqsu l-ispejjeż u jrawmu l-innovazzjoni.
“Peress li n-nies qed jagħżlu dejjem aktar li jħallsu b’mod diġitali, għandna nkunu lesti li noħorġu euro diġitali flimkien mal-flus kontanti,” qal Fabio Panetta, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u President tat-Task Force ta’ Livell Għoli dwar euro diġitali. “Euro diġitali jżid l-effiċjenza tal-pagamenti Ewropej u jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa.”
Distribuzzjoni tal-euro diġitali
L-utenti jistgħu jaċċessaw is-servizzi tal-euro diġitali permezz tal-app proprjetarja u l-interface online tal-fornitur tas-servizz tal-ħlas tagħhom, jew permezz ta’ app diġitali tal-euro pprovduta mill-Eurosistema. Persuni mingħajr aċċess għal kont bankarju jew apparat diġitali jkunu jistgħu jħallsu wkoll bl-euro diġitali, pereżempju billi jużaw kard ipprovduta minn korp pubbliku bħal uffiċċju postali. L-utenti jkunu jistgħu wkoll jiskambjaw euro diġitali għall-flus kontanti jew viċi versa fil-magni tal-flus kontanti.
L-Eurosistema tipprevedi euro diġitali li jkun bla ħlas għall-użu bażiku għall-individwi. Mudell ta’ kumpens bejn l-intermedjarji u n-negozjanti jiżgura li jkun hemm inċentivi għall-intermedjarji biex jiddistribwixxu l-euro diġitali, kif inhu l-każ għal strumenti oħra ta’ pagament elettroniku, u li jkun hemm salvagwardji adegwati kontra ħlasijiet eċċessivi ta’ servizzi għan-negozjanti. L-Eurosistema għandha tagħmel tajjeb għall-ispejjeż tagħha stess, inklużi dawk relatati mal-ġestjoni tal-iskemi u mal-ipproċessar tas-saldi.
It-trasparenza u l-kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati jibqgħu pilastri ewlenin tal-proġett. L-Eurosistema bbenefikat ħafna mir-reazzjonijiet ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa, il-parteċipanti fis-suq u l-utenti potenzjali, u se tkompli timpenja ruħha b’mod attiv ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Se nkomplu wkoll nikkooperaw mill-qrib mal-leġiżlaturi tal-UE.
Għall-mistoqsijiet tal-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Silvia Margiocco, tel.: +49 69 1344 6619, jew lil Paula González Escribano, tel.: +49 1512 3815096.
Noti
- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali, Kummissjoni Ewropea, COM(2023) 369 final, 28 ta’ Ġunju 2023; u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-forniment ta’ servizzi tal-euro diġitali minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, COM(2023) 368 final, 28 ta’ Ġunju 2023.
- L-Eurosistema stabbiliet Grupp ta’ Żvilupp tal-Ġabra tar-Regoli dwar l-iskema tal-euro diġitali biex jappoġġa l-abbozzar ta’ sett uniku ta’ regoli, standards u proċeduri għall-euro diġitali. Il-Grupp huwa magħmul minn persunal tal-Eurosistema u minn rappreżentanti tas-suq li jagħtu kontribut mill-industrija finanzjarja, mill-konsumaturi u min-negozjanti.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja