Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

L-innovazzjoni kif twassal għat-tkabbir?

27 ta' Ġunju 2017

L-innovazzjoni hi movent essenzjali tal-progress ekonomiku li minnha jgawdu l-konsumaturi, in-negozji u l-ekonomija kollha kemm hi. Kif tiżvolġi dan ir-rwol, kif tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u x'jista' jsir biex titħeġġeġ?

X'inhi l-innovazzjoni?

F'termini ekonomiċi, l-innovazzjoni tiddeskrivi l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' ideat u teknoloġiji li jtejbu l-prodotti u s-servizzi jew jirrendu l-produzzjoni tagħhom iżjed effiċjenti.

Eżempju klassiku ta' innovazzjoni hu l-iżvilupp, li sar fis-seklu 18, tat-teknoloġija tal-magni li jaħdmu bl-istim. Il-magni li jaħdmu bl-istim setgħu jintużaw fil-fabbriki għall-produzzjoni fi kwantitajiet kbar, u wasslu wkoll għal rivoluzzjoni fit-trasport bil-ferrovija. Fi żmien iżjed reċenti, it-teknoloġija tal-informatika biddlet il-mod kif il-kumpaniji jipproduċu u jbiegħu il-prodotti u s-servizzi tagħhom, waqt li fetħet swieq ġodda u mudelli ġodda tan-negozju.

Allura għaliex qed juri interess il-BĊE?

L-għan tal-BĊE hu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Billi jistabbilixxi r-rati tal-imgħax, il-BĊE jinfluwenza l-kundizzjonijiet tal-finanzjament fl-ekonomija u, bażikament, id-domanda ġenerali għall-prodotti u s-servizzi. Madankollu, il-potenzjal għal tkabbir fit-tul tal-ekonomija, li jiddependi mill-innovazzjoni, jaffettwa wkoll il-kapaċità tal-BĊE li jwettaq il-mandat tiegħu.

Billi l-innovazzjoni għandha effetti kbar ħafna fuq l-ambjent makro-ekonomiku, il-BĊE jissorvelja l-iżvilupp tagħha u jagħmel riċerka dwar il-kundizzjonijiet ewlenin ekonomiċi u soċjali li jippermettu u jsostnu l-innovazzjoni.

Għaliex neħtieġu l-innovazzjoni?

Wieħed mill-ikbar benefiċċji tal-innovazzjoni hu l-kontribut li tagħti għat-tkabbir ekonomiku. Fi ftit kliem, l-innovazzjoni tista' twassal għal produttività ogħla, jiġifieri l-istess sforz jiġġenera riżultat akbar. Meta togħla l-produttività jiżdiedu l-prodotti u s-servizzi – fi kliem ieħor, l-ekonomija tikber.

Kif l-innovazzjoni twassal għat-tkabbir

Ideat u teknoloġiji ġodda jiġu żviluppati u applikati biex b'hekk jiġġeneraw riżultat akbar bl-istess sforz. Tikber il-produzzjoni ta' prodotti u servizzi, u dan jistimula l-pagi u l-profitabilità tan-negozju.

L-innovazzjoni u t-tkabbir tal-produttività jġibu benefiċċji enormi għall-konsumaturi u n-negozji. Meta togħla l-produttività, il-pagi tal-ħaddiema jiżdiedu. Ikollhom iżjed flus fil-but, u b'hekk ikunu jistgħu jixtru iżjed prodotti u servizzi. Fl-istess ħin, in-negozji jżidu l-qligħ tagħhom, u dan jgħinhom jinvestu u jimpjegaw iżjed impjegati.

L-innovazzjoni kif tilħaq l-effett sħiħ tagħha?

L-innovazzjoni s-soltu tibda fuq skala żgħira, eż. meta teknoloġija ġdida tintuża għall-ewwel darba fil-kumpanija fejn tkun ġiet żviluppata. Madankollu, biex jintlaħqu l-benefiċċji kollha tal-innovazzjoni, jeħtieġ li din tinfirex fl-ekonomija kollha u bl-istess mod tkun ta' benefiċċju għal kumpaniji f'setturi differenti u ta' daqs differenti. L-esperti jsejħu dan il-proċess it-tixrid tal-innovazzjoni.

L-innovazzjoni fiż-żona tal-euro

Waqt li l-Ewropa hi l-post fejn bdiet ħafna innovazzjoni u għadha reġjun innovattiv, hemm potenzjal ċar biex insaħħu l-kapaċita innovattiva tagħna. Tliet pajjiżi biss taż-żona tal-euro huma fost l-aqwa għaxar nazzjonijiet tad-dinja fl-Indikatur Globali tal-Kompetittività tal-Forum Ekonomiku Dinji. Kien hemm ukoll nuqqas persistenti fl-infiq għar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) bejn iż-żona tal-euro u l-ekonomiji avvanzati l-kbar l-oħra.

Barra dan, it-tixrid tal-innovazzjoni fiż-żona tal-euro jidher li hu batut. Studji reċenti tal-BĊE juru pereżempju differenza kbira fil-produttività bejn id-ditti l-iżjed produttivi u dawk l-inqas produttivi. Dan ifisser li waqt li d-ditti li qiegħdin fuq quddiem fil-profitabilità huma attivament innovattivi, l-hekk imsejħa ditti batuti ma jibbenfikawx ħafna mill-innovazzjoni.

Kif tista' titħeġġeġ l-innovazzjoni?

Miżuri strutturali biex titħeġġeġ l-innovazzjoni jinkludu żieda fl-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u investiment fl-edukazzjoni, kif ukoll għajnuna għall-imprendituri biex jibdew negozji b'mod iżjed faċli u biex in-negozji falluti joħorġu mis-suq iżjed malajr. Barra minn hekk, il-kumpaniji jistgħu jiffaċilitaw l-innovazzjoni billi jinvestu fil-ħaddiema tagħhom u jagħmlu r-riċerka u l-iżvilupp huma stess.

ARA WKOLL

Skopri iktar dwar kontenut relatat