X’inhu bank ċentrali?
10 ta' Lulju 2015
Bank ċentrali huwa istituzzjoni pubblika li tamministra l-munita ta’ pajjiż jew ta’ grupp ta’ pajjiżi u tikkontrolla l-provvista tal-flus, jiġifieri, l-ammont ta’ flus fiċ-ċirkolazzjoni. L-għan ewlieni ta’ bosta banek ċentrali huwa l-istabbiltà tal-prezzijiet. F’xi pajjiżi, il-banek ċentrali huma wkoll mitlubin bil-liġi jagħtu sehemhom biex jinstab xogħol għal kulħadd.
Waħda mill-għodod ewlenin li juża bank ċentrali hija li jistabbilixxi r-rati tal-imgħax jew il-“kost tal-flus” bħala parti mill-politika monetarja tiegħu. Bank ċentrali mhuwiex bank kummerċjali. Ebda individwu ma jista’ jiftaħ kont ma’ bank ċentrali jew jitolbu self u, bħala korp pubbliku, m’għandux skop ta’ qligħ.
Madankollu, bank ċentrali jaġixxi ta’ bank għall-banek kummerċjali u b’hekk jinfluwenza l-fluss tal-flus u l-kreditu fl-ekonomija biex jasal għal prezzijiet stabbli. Il-banek kummerċjali jistgħu jitolbu bank ċentrali jislifhom il-flus, normalment biex jagħmlu tajjeb għal ħtiġijiet immedjati. Biex jissellfu mill-bank ċentrali jridu jagħtu kollateral, jiġifieri assi bħal bonds tal-gvern jew bonds korporattivi li jkollhom valur u li jservu ta’ garanzija sa meta jroddu l-flus lura.
Minħabba li l-banek kummerċjali għandhom mnejn joffru self għal żmien twil fuq depożiti ta' żmien qasir, jista’ jkollhom problemi ta’ “likwidità”, jiġifieri jkollhom fondi biex iħallsu d-dejn iżda ma jkunux jistgħu jaqilbuhom malajr fi flus kontanti. F’sitwazzjoni bħal din, bank ċentrali jista’ jintervjeni bħala “sellief tal-aħħar istanza”. Dan jgħin biex is-sistema finanzjarja tibqa’ stabbli. Minbarra l-politika monetarja, il-banek ċentrali jista’ jkollhom firxa wiesgħa ta’ kompiti oħra. Normalment joħorġu karti tal-flus u muniti, jiżguraw li s-sistemi ta’ ħlas jaħdmu bla xkiel għall-banek u l-istrumenti finanzjarji nnegozjati, jamministraw ir-riżervi barranin u jagħtu tagħrif lill-pubbliku dwar l-ekonomija. Ħafna banek ċentrali jagħtu sehemhom ukoll għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja billi jissorveljaw il-banek kummerċjali sabiex jaraw li min jislef ma jiħux riskji żejda.