X’inhuma rati referenzjali?
11 ta’ Lulju 2019 (aġġornata fit-13 ta’ Settembru 2024)
X’inhuma rati referenzjali?
Ir-rati tal-imgħax referenzjali – magħrufin ukoll bħala rati referenzjali jew sempliċiment rati ta’ kriterju ta’ riferenza – huma rati tal-imgħax aġġornati regolarment li huma aċċessibbli pubblikament. Dawn huma bażi utli għat-tipi kollha ta’ kuntratti finanzjarji bħal ipoteki, overdrafts bankarji, u tranżazzjonijiet finanzjarji oħrajn li huma aktar kumplessi.
Ir-rati referenzjali huma kkalkulati minn korp indipendenti, ħafna drabi biex jirriflettu l-ispiża tas-self tal-flus fi swieq differenti. Pereżempju, jistgħu jirriflettu kemm jiswa lill-banek biex jissellfu mingħand xulxin. Inkella jistgħu jirriflettu kemm jiswa lill-banek biex jiksbu fondi minn sorsi oħra, bħal fondi tal-pensjoni, kumpaniji tal-assigurazzjoni u fondi tas-swieq tal-flus.
Dan ifisser li dawn ir-rati referenzjali għandhom rwol ewlieni fis-sistema finanzjarja, fis-sistema bankarja u fl-ekonomija inġenerali. Imma x'inhu eżattament li jagħmilhom daqshekk importanti? U għaliex għaddew minn riformi?
Għaliex ir-rati referenzjali huma importanti?
Dawn jintużaw ħafna fl-ekonomija tagħna
Ir-rati referenzjali jintużaw ħafna minn individwi u minn organizzazzjonijiet fis-sistema ekonomika kollha.
Pereżempju, il-banek jużawhom meta jsellfu lil individwi jew klijenti korporattivi.
Bank jista' jaqbel li jsellef flus lil kumpanija b'rata ta' mgħax miftiehma li hija ffissata b'rata referenzjali partikolari flimkien ma' 2%, fis-sens li l-kumpanija tħallas imgħax ta' 2% aktar mir-rata referenzjali kurrenti. Għalhekk, l-ispiża tas-self tiżdied jekk ir-rata referenzjali tiżdied, u l-ispiża tas-self tonqos jekk ir-rata referenzjali tonqos. F'dan il-każ, il-kriterju ta' referenza jista' jkun referenza affidabbli, indipendenti u relattivament sempliċi għal dawk kollha involuti.
Il-kumpaniji, il-banek u organizzazzjonijiet oħrajn jużaw ukoll rati referenzjali biex jivvalutaw l-entrati fil-karti tal-bilanċ tagħhom. Fi kliem ieħor, dawn ir-rati jagħmluha aktar faċli għal kontabilist biex jiddetermina kemm fl-aħħar mill-aħħar jiswew l-organizzazzjonijiet (b’mod aktar speċifiku l-assi finanzjarji li huma proprjetà tagħhom).
Ir-rati referenzjali jintużaw ukoll fi tranżazzjonijiet finanzjarji aktar kumplessi, bħall-ħruġ ta' titoli b'rati varjabbli, opzjonijiet, kuntratti forward u swaps
Pereżempju, nieħdu swap ta’ rata tal-imgħax – f'termini wesgħin ħafna hija tranżazzjoni li tinvolvi lil żewġ partijiet, fejn kull wieħed jaqbel li jkopri l-pagamenti tal-imgħax tal-ieħor. Fi swaps bħal dawn, ir-rata referenzjali tista' tiddetermina mill-inqas waħda mir-rati tal-imgħax li jkunu qegħdin jiġu skambjati. Dan joħloq trasparenza għall-partijiet kollha involuti, iġib ftit standardizzazzjoni għall-ftehim u, bħala riżultat, jagħmilha aktar faċli għall-partijiet kollha li jinnegozjaw.
Użi oħrajn ta’ rati referenzjali jinkludu (imma mhumiex limitati għal): il-kalkolu ta' penali ta' overdraft fuq kontijiet ta' flus kontanti, il-kalkolu tal-imgħax fuq xi depożiti bl-imnut, u l-ftehim ta' mgħax fuq ipoteki u self bl-imnut.
Ir-rati referenzjali jgħinu lill-banek ċentrali biex jagħmlu xogħolhom
Ir-rati referenzjali jistgħu wkoll jinfurmaw ix-xogħol magħmul mill-banek ċentrali. Aħna fil-BĊE, pereżempju, nistgħu nirreferu għal rati referenzjali fix-xogħol tagħna biex inżommu l-prezzijiet stabbli fiż-żona tal-euro.
Jekk rata referenzjali tirrifletti sew ir-rati li bihom il-banek jisilfu u jissellfu, tista' tgħinna nifhmu aħjar il-funzjonament tas-swieq finanzjarji u d-disponibbiltà tal-flus fiż-żona tal-euro. Dan jista’ jinforma d-deċiżjonijiet tal-politika monetarja: jekk taf kemm huwa faċli għall-banek biex ikollhom aċċess għall-flus, tista' tistma kemm dawk l-istess banek ikunu jistgħu jgħaddu dawn il-flus fil-forma ta' self lin-negozji u lin-nies. U dan kollu fl-aħħar mill-aħħar jidħol fil-livelli tal-prezzijiet.
Barra minn hekk, li nkunu nafu r-rati referenzjali kurrenti jgħinna nissorveljaw l-impatt prattiku tad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tagħna. Jekk il-BĊE jiddeċiedi li jgħolli jew li jnaqqas ir-rati tal-imgħax, pereżempju, nistgħu nsegwu l-effetti ta’ dan billi nfittxu għal bidliet fir-rati referenzjali għall-euro.
Għaliex ir-rati referenzjali għaddew minn riformi u dan x’involva eżattament?
Ir-rati referenzjali huma utli sakemm jitqiesu affidabbli u imparzjali – idealment għandhom jiġu kkalkulati b'mod trasparenti, u r-rati għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u pubblikament. Jekk kuntratt ikun ibbażat fuq rata referenzjali affidabbli, l-ebda waħda mill-partijiet ma tista' tinfluwenza r-rata ta' imgħax miftiehma. Dan ifisser li rata referenzjali affidabbli tista' tiżgura li l-valur ta' kuntratt jibqa' imparzjali u indiskutibbli.
Minħabba l-importanza ekonomika tar-rati referenzjali, huwa kruċjali li l-affidabbiltà tagħhom tiġi żgurata minn strutturi ta' governanza ċari u minn metodoloġiji trasparenti.
B’dan il-ħsieb, ir-rati ta’ referenza Ewropej għaddew minn riformi sinifikanti matul dawn l-aħħar snin. Ħafna minn dan il-proċess ta' riforma kien xprunat mill-introduzzjoni tar-Regolament dwar ir-Rati Referenzjali tal-UE (BMR), li ġie ppubblikat fl-2016 u li daħal fis-seħħ f'Jannar 2018.
€STR | Ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) għandha tirrifletti l-kostijiet ta’ self mil-lum għall-għada bl-ingrossa f'euro mhux garantiti ta’ banek li jinsabu fiż-żona tal-euro. L-€STR hija ppubblikata għal kull jum ta' negozju ta’ TARGET abbażi tat-tranżazzjonijiet li twettqu u li ġew saldati fil-jum ta' negozju ta’ TARGET preċedenti (data ta’ rapportar “T”) b’data ta' maturità ta’ T+1 u li huma meqjusin li twettqu b’mod distakkat u b’hekk jirriflettu r-rati tas-suq b’mod imparzjali. L-€STR ħadet post l-EONIA, ir-rata referenzjali mil-lum għall-għada preċedenti għall-euro kkalkulata mill-BĊE f'isem l-Istitut Ewropew tas-Swieq tal-Flus (EMMI), wara li grupp ta' ħidma tas-settur privat dwar ir-rati mingħajr riskju rrakkomanda li l-parteċipanti fis-suq gradwalment jissostitwixxu l-EONIA bir-rata l-ġdida tal-euro fuq terminu qasir (€STR) li ġiet ippubblikata mill-BĊE mit-2 ta' Ottubru 2019. L-EONIA ma baqgħetx tiġi ppubblikata mit-3 ta’ Jannar 2022. |
EURIBOR | EURIBOR hija rata referenzjali tas-suq mhux garantita kkalkulata għal diversi maturitajiet (ġimgħa, u xahar, tliet xhur, sitt xhur u tnax-il xahar). Din tiġi amministrata mill-Istitut tas-Swieq Monetarji Ewropej (EMMI). Sabiex il-kriterju ta' referenza jinġieb konformi mar-Regolament tal-UE dwar ir-Rati Referenzjali (BMR), l-EMMI ċċarat id-definizzjoni ta' EURIBOR bħala r-rata li biha l-banek fil-pajjiżi attwali u preċedenti tal-UE u tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) jistgħu jiksbu fondi fis-suq bl-ingrossa mhux garantit tal-euro. EURIBOR tapplika l-hekk imsejħa metodoloġija ibrida. Dan il-metodu ta’ kalkolu jagħmel użu kemm jista’ jkun minn tranżazzjonijiet tas-suq mhux garantiti eliġibbli, filwaqt li juża wkoll stimi bbażati fuq mudelli bbażati fuq tranżazzjonijiet minn firxa ta’ swieq relatati mill-qrib mas-suq tal-flus tal-euro mhux garantiti għall-każijiet fejn it-tranżazzjonijiet eleġibbli ma jkunux disponibbli. |
Fl-2017, il-BĊE ddeċieda li jiżviluppa r-rata ta’ żmien qasir tal-euro (€STR) – rata referenzjali ġdida li saret disponibbli mit-2 ta’ Ottubru 2019 – bl-intenzjoni li tkun tista’ tiffunzjona bħala mekkaniżmu ta' sostenn fil-każ li s-settur privat jonqos milli jsostni rata referenzjali mil-lum għall-għada tiegħu stess, l-EONIA.
Fl-2018, grupp ta’ ħidma tas-settur privat dwar ir-rati ħielsa mir-riskju tal-euro rrakkomanda li l-EONIA tiġi ssostitwita bl-€STR, filwaqt li jitqies ir-rispons mis-suq.
L-€STR f’iktar dettall
L-€STR hija mfassla biex tirrifletti kemm bank irid iħallas meta jissellef flus mil-lum għall-għada minn diversi kontropartijiet finanzjarji mingħajr ma jipprovdi garanzija (xi drabi dan jissejjaħ “mhux garantit”). Dawn il-kontropartijiet jistgħu jinkludu banek, fondi tas-suq tal-flus, fondi ta’ investiment jew pensjonijiet u atturi finanzjarji oħra, inklużi banek ċentrali.
Dan ifisser li għandha ambitu usa’ minn EONIA, li ħarset biss lejn il-kummerċ bejn il-banek. Barra minn hekk – meta mqabbla ma’ EONIA – id-data dwar transazzjonijiet reali, użata mill-BĊE biex jikkalkula l-€STR, hija pprovduta minn numru akbar ta’ banek. Dan l-ambitu mwessa’ jipproteġi kontra l-manipulazzjoni, u jgħin biex l-€STR issir riflessjoni affidabbli tal-prezz li bih il-flus jisselfu fuq bażi mhux garantita fiż-żona tal-euro.
Għal aktar dettalji, tista’ taqra l-metodoloġija u l-politiki tar-rata tal-euro għal żmien qasir (€STR) ippubblikati f’Ġunju 2018. Tista’ tirriferi wkoll għas-sett rilevanti ta’ mistoqsijiet u t-tweġibiet.