Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

5 ta' Ġunju 2025

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li titnaqqas ir-rata tal-faċilità tad-depożitu – ir-rata li permezz tagħha l-Kunsill Governattiv jidderieġi l-pożizzjoni tal-politika monetarja – hija bbażata fuq il-valutazzjoni aġġornata tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

L-inflazzjoni bħalissa tinsab f’madwar il-mira fuq terminu medju ta’ 2%. Fil-linja bażi tal-projezzjonijiet ġodda tal-persunal tal-Eurosistema, l-inflazzjoni globali hija stabbilita għal 2.0% fl-2025, 1.6% fl-2026 u 2.0% fl-2027. Ir-reviżjonijiet ’l isfel meta mqabbla mal-projezzjonijiet ta’ Marzu, b’0.3 punt perċentwali kemm għall-2025 u l-2026, jirriflettu prinċipalment preżunzjonijiet aktar baxxi għall-prezzijiet tal-enerġija u euro aktar b’saħħtu. Il-persunal qed jistenna li l-inflazzjoni, bl-esklużjoni tal-enerġija u l-ikel, se tilħaq medja ta’ 2.4% fl-2025 u 1.9% fl-2026 u fl-2027, li b’mod ġenerali ma nbidlux minn Marzu ’l hawn.

Il-persunal jaraw li t-tkabbir reali tal-GDP se jilħaq medja ta’ 0.9% fl-2025, 1.1% fl-2026 u 1.3% fl-2027. Il-projezzjoni tat-tkabbir mhux riveduta għall-2025 tirrifletti li l-ewwel trimestru se jkun aktar b’saħħtu milli mistenni flimkien ma’ prospetti aktar dgħajfin għall-kumplament tas-sena. Filwaqt li l-inċertezza dwar il-politiki ta’ kummerċ hija mistennija li tkun ta’ piż fuq l-investiment min-negozji u l-esportazzjonijiet, speċjalment fuq żmien qasir, iż-żieda tal-investiment mill-gvernijiet fuq difiża u infrastruttura se tappoġġa dejjem aktar it-tkabbir fuq żmien medju. L-introjtu reali ogħla u s-suq tax-xogħol b’saħħtu se jippermettu lill-unitajiet domestiċi biex jonfqu aktar. Flimkien ma’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar favorevoli, dan għandu jagħmel lill-ekonomija aktar reżiljenti għax-xokkijiet globali.

Fil-kuntest ta’ inċertezza qawwija, il-persunal evalwa wkoll uħud mill-mekkaniżmi li permezz tagħhom il-politiki tal-kummerċ differenti jistgħu jaffettwaw it-tkabbir u l-inflazzjoni taħt xi xenarji illustrattivi alternattivi. Dawn ix-xenarji se jiġu ppubblikati mal-projezzjonijiet tal-persunal fuq is-sit web tal-BĊE. Taħt din l-analiżi tax-xenarji, eskalazzjoni ulterjuri fit-tensjonijiet fil-kummerċ fix-xhur li ġejjin tista’ twassal biex it-tkabbir u l-inflazzjoni jkunu taħt il-projezzjonijiet tal-linja bażi. B’kuntrast ma’ dan, jekk it-tensjonjiet fil-kummerċ jissolvew b’eżitu pożittiv, it-tkabbir u, sa grad anqas, l-inflazzjoni jkunu ogħla milli fil-projezzjonijiet tal-linja bażi.

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti jissuġġerixxu li l-inflazzjoni se tistabbilizza ruħha għal madwar il-mira tal-Kunsill Governattiv ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju fuq bażi sostnuta. Iż-żieda fil-pagi għadha għolja imma tkompli timmodera b’mod viżibbli, u l-profitti qegħdin itaffu parzjalment l-impatt tagħha fuq l-inflazzjoni. Ittaffa t-tħassib li ż-żieda fl-inċertezza u r-reazzjoni volatili tas-swieq għat-tensjonijiet fil-kummerċ f’April jista’ jkollhom impatt ta’ ssikkar fuq il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament.

Il-Kunsll Governattiv huwa ddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza b’mod sostenibbli għall-mira tiegħu fuq żmien medju ta’ 2 %. B’mod speċjali fil-kundizzjonijiet attwali ta’ inċertezza eċċezzjonali, se jsegwi approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex jiddetermina l-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill governattiv dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja, id-dinamiċi tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex jimpenja ruħu minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin u l-faċilità tas-self marġinali se jitnaqqsu għal 2.00%, 2.15% u 2.40% rispettivament, b’effett mill-11 ta’ Ġunju 2025.

Il-programm ta' xiri ta' assi (APP) u l-programm ta' xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)

Il-portafolji tal-APP u l-PEPP qegħdin jonqsu b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema mhux se terġa’ tinvesti l-ħlasijiet prinċipali kollha mit-titoli li jimmaturaw.

***

Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza b’mod sostenibbli fil-mira tiegħu ta’ 2 % fuq żmien medju u biex jiġi ppreżervat il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli bħala miżura kontra dinamiċi mhux ġustifikati u diżordinati tas-suq li jkunu ta’ theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fost il-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, biex b’hekk il-Kunsill Governattiv ikun jista’ jwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu tal-istabbilità tal-prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tikkummenta fuq il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja