Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

27 ta' Lulju 2023

L-inflazzjoni qed tkompli tonqos iżda hija mistennija li tibqa’ għolja wisq għal żmien twil wisq. Il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura fil-ħin għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq żmien medju. Għalhekk, il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi.

Iż-żieda fir-rata llum tirrifletti l-valutazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-prospetti tal-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. L-iżviluppi mill-aħħar laqgħa jsostnu l-aspettattiva li l-inflazzjoni se tkompli tonqos matul il-bqija tas-sena iżda se tibqa’ ’l fuq mill-mira għal perijodu estiż. Filwaqt li xi miżuri juru sinjali ta’ taffija, l-inflazzjoni sottostanti tibqa’ ġeneralment għolja. Iż-żidiet fir-rati tal-imgħoddi jkomplu jiġu trażmessi b’mod qawwi: il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament reġgħu saru aktar stretti u qegħdin dejjem aktar inaqqsu d-domanda, li huwa fattur importanti biex l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira.

Id-deċiżjonijiet futuri tal-Kunsill Governattiv se jiżguraw li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jiġu stabbiliti f’livelli restrittivi biżżejjed sakemm ikun meħtieġ biex l-inflazzjoni terġa’ lura fil-ħin għall-mira ta’ 2% fuq żmien medju. Il-Kunsill Governattiv se jkompli jsegwi approċċ dipendenti fuq id-data biex jiddetermina l-livell xieraq u t-tul ta’ żmien tar-restrizzjoni. B ’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tiegħu dwar ir-rati tal-imgħax se jkomplu jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li dieħla, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jistabbilixxi r-remunerazzjoni tar-riżervi minimi għal 0%. Din id-deċiżjoni se żżomm l-effikaċja tal-politika monetarja billi żżomm il-livell attwali ta’ kontroll fuq il-pożizzjoni tal-politika monetarja u tiżgura t-trasferiment sħiħ tad-deċiżjonijiet dwar ir-rati tal-imgħax lis-swieq monetarji. Fl-istess ħin, se ttejjeb l-effiċjenza tal-politika monetarja billi tnaqqas l-ammont globali ta’ imgħax li jeħtieġ li jitħallas fuq ir-riżervi sabiex tiġi implimentata l-pożizzjoni xierqa.

Id-dettalji tal-bidla fir-remunerazzjoni tar-riżervi minimi huma pprovduti fi stqarrija għall-istampa separata li għandha tiġi ppubblikata fit-15:45 CET.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-mekkaniżmu ta’ self marġinali u fuq il-mekkaniżmu ta’ depożitu se jiżdiedu għal 4.25%, 4.50% u 3.75% rispettivament, b’effett mit‑2 ta’ Awwissu 2023.

Programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u programm ta’ xiri ta’ emerġenza pandemika (PEPP)

Il-portafoll tal-APP qed jonqos b’pass imkejjel u prevedibbli, hekk kif l-Eurosistema m’għadhiex tinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet ewlenin minn titoli li jimmaturaw.

Fir-rigward tal-PEPP, il-Kunsill Governattiv biħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet ewlenin minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-programm sa mill-inqas tmiem l-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Il-Kunsill Governattiv se jkompli japplika l-flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja relatati mal-pandemija.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Hekk kif il-banek qed iħallsu lura l-ammonti mislufa taħt l-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirati u l-ħlas lura kontinwu tagħhom qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.

***

Il-Kunsill Governattiv huwa lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq żmien medju u biex jippreserva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jiġġieled kontra dinamiċi tas-suq mhux ġustifikati u diżordinati li jippreżentaw theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, u b’hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv iwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu ta’ stabbiltà fil-prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fit-14:45 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja