Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
Paschal Donohoe
President of the Eurogroup
Roberta Metsola
President of the European Parliament
Charles Michel
President of the European Council
Ursula von der Leyen
President of the European Commission
  • IL-BLOG TAL-BĊE

25 sena tal-Euro: il-valur tal-għaqda f’dinja li qiegħda tinbidel

30 ta’ Diċembru 2023

Minn Paschal Donohoe (President tal-Grupp tal-Euro), Christine Lagarde (President tal-Bank Ċentrali Ewropew), Roberta Metsola (President tal-Parlament Ewropew), Charles Michel (President tal-Kunsill Ewropew) u Ursula von der Leyen (President tal-Kummissjoni Ewropea)

25 sena ilu, fl-1 ta’ Jannar 1999, l-euro daħal fis-seħħ bħala l-munita unika għal 11-il Stat Membru tal-UE. Issa jservi l-ekonomija u jiffaċilita l-ħajja għal 350 miljun ruħ f’20 pajjiż.

Ir-raġuni għall-eżistenza tal-Ewropa dejjem kienet li toffri soluzzjoni għal problemi li l-pajjiżi ma setgħux jindirizzaw waħedhom. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-mexxejja viżjonarji fehmu li l-uniku mod biex tiġi żgurata l-paċi fil-kontinent tagħna kien li ngħaqqdu l-ekonomiji tagħna. Fehmu wkoll li maż-żmien, l-Ewropa magħquda tkun teħtieġ munita unika biex tagħmel l-aħjar użu mill-benefiċċji ekonomiċi maħluqa minn dan id-dividend ta’ paċi.

Fl-aħħar tas-snin 1980, hekk kif l-Ewropa ħadet passi ulterjuri biex tapprofondixxi s-suq uniku tagħha, il-ħolma ta’ munita unika saret proġett. U 25 sena ilu — fl-1 ta’ Jannar 1999 — dak il-proġett sar realtà. Illum, l-euro huwa parti indispensabbli mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, u jagħtina s-sempliċità, l-istabbiltà u s-sovranità.

Dan għamel il-ħajja aktar sempliċi għaċ-ċittadini Ewropej, li jistgħu faċilment iqabblu l-prezzijiet, jinnegozjaw u jivvjaġġaw. Dan tana stabbiltà, billi pproteġa t-tkabbir u l-impjiegi f’sensiela ta’ kriżijiet. U l-ħruġ tat-tieni l-aktar munita importanti fid-dinja tana sovranità akbar f’dinja turbolenti. Għalhekk mhijiex sorpriża li ż-żona tal-euro kibret minn 11-il pajjiż għal 20 pajjiż minn mindu ġiet stabbilita.

Kien hemm sfidi tremendi matul is-snin, inklużi mistoqsijiet dwar il-futur tal-euro nnifsu. Iżda kull darba sibna r-risposti t-tajba. B’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja globali u l-kriżi tad-dejn sovran, pereżempju, stabbilixxejna salvagwardji bħas-sistema armonizzata ta’ superviżjoni u riżoluzzjoni bankarja jew il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Illum, l-appoġġ għall-munita unika fost iċ-ċittadini taż-żona tal-euro huwa qrib livelli rekord.

Iżda għad fadlilna x’nagħmlu. Għaliex illum qed niffaċċjaw sfidi ġodda li l-pajjiżi ma jistgħux jindirizzaw waħedhom — u n-nies qed iduru lejn l-Ewropa għar-risposti.

Qed niffaċċjaw tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu, mhux l-inqas il-gwerra illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna, li titlob deċiżjonijiet kollettivi kuraġġużi. Qed nikkonfrontaw kriżi klimatika li qed taċċellera li nistgħu verament insolvu biss flimkien: l-emissjonijiet tal-karbonju ma jieqfux mal-fruntieri. U qed niffaċċjaw sfidi bla preċedent għall-kompetittività tagħna mill-politika tal-enerġija u dik industrijali f’partijiet oħra tad-dinja.

Dan ifisser li kwistjonijiet bħad-difiża, kif ukoll it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, saru kwistjonijiet urġenti ta’ interess komuni. L-istess jgħodd għal kif nindirizzaw il-finanzjament tal-investiment massiv meħtieġ għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji tagħna, biex nagħmlu l-ktajjen tal-provvista tagħna aktar siguri u naġġornaw it-teknoloġiji tagħna. Fl-UE, it-tranżizzjoni ekoloġika waħedha se tirrikjedi investimenti ta’ €620 biljun fis-sena sal-2030.

Is-soluzzjonijiet għandhom iħaddnu l-iskala li saret possibbli billi naħdmu flimkien fl-Ewropa. Il-bini ta’ unjoni ġenwina tas-swieq kapitali li tkopri l-kontinent kollu biex timmobilizza l-finanzi privati. L-użu ta’ għodod u politiki Ewropej biex jissaħħu l-kompetittività u s-sigurtà tagħna, pereżempju billi jissaħħu l-istrutturi eżistenti permezz ta’ regoli fiskali mġedda u unjoni bankarja aktar robusta. U l-introduzzjoni tal-munita unika nnifisha fl-era diġitali, billi jitħejjew il-pedamenti għal euro diġitali potenzjali li jista’ jikkomplementa l-flus kontanti.

Fl-istess ħin, b’diversi pajjiżi li bħalissa jinsabu fil-proċess li jissieħbu fl-UE, irridu nżommu l-kapaċità tagħna li naġixxu b’mod deċiżiv. It-tkabbir u l-approfondiment ma jeskludux lil xulxin. Iżda t-tkabbir jista’ jeħtieġ bidliet fil-mod kif tiġi organizzata l-UE.

In-nies tal-Ewropa jafu li d-dinja qed tinbidel. U jifhmu li hemm saħħa fl-għaqda. Madwar żewġ terzi tal-Ewropej huma konvinti li l-UE hija sur ta’ stabbiltà. Mela ejja nuruhom li l-Ewropa tista’ ssawwar din il-bidla u tilħaq l-aspettattivi tagħhom.

Dan se jirrikjedi ambizzjoni u perseveranza — l-istess kwalitajiet li jirrappreżentaw il-fundaturi tal-integrazzjoni Ewropea. U jeħtieġ li jiġi rikonoxxut li mhux l-għanijiet kollha jistgħu jintlaħqu immedjatament. It-tagħlima mill-integrazzjoni Ewropea hija li rridu nieħdu l-passi li jinsabu quddiemna meta jasal il-waqt. Il-passi l-oħra jiġu wara meta jasal iż-żmien.

Kif kien qal il-kittieb Franċiż Anatole France: “Biex niksbu affarijiet kbar, irridu mhux biss naġixxu, iżda wkoll noħolmu; mhux biss nippjanaw, iżda wkoll nemmnu.” L-ewwel 25 sena tal-euro wrewna eżattament kemm tista’ tirnexxi ħolma. Iżda hekk kif tinbidel id-dinja ta’ madwarna, l-azzjoni tagħna hija prova li l-Ewropa magħquda tipprovdi r-risposti li jeħtieġu l-Ewropej u d-dinja.

Dan il-blog post ġie ppubblikat bħala artikolu ta’ opinjoni fil-mezzi tax-xandir tal-20 pajjiż taż-żona tal-euro.

Ara l-Blog tal-BĊE u abbona għal posts futuri.