Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

L-istrumenti tal-politika monetarja tagħna u r-reviżjoni tal-istrateġija

Sabiex ngħinu biex il-prezzijiet jinżammu stabbli, għandna bżonn l-għodod it-tajbin disponibbli. Huwa għalhekk li f’ dawn l-aħħar snin daħħalna strumenti ġodda tal-politika monetarja. Filwaqt li dawn irnexxielhom jgħinu biex tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, u se jibqgħu parti mis-sett ta’ għodod tagħna, qed nibqgħu attenti għal kwalunkwe effett sekondarju mhux mixtieq.

Għaliex l-istrumenti tal-politika monetarja tagħna kienu parti mir-reviżjoni tal-istrateġija?

Nużaw l-istrumenti tagħna biex ngħinu biex il-prezzijiet jinżammu stabbli

Xogħolna hu li nżommu l-prezzijiet stabbli. Dan ifisser li niżguraw li l-inflazzjoni – ir-rata li biha l-prezzijiet għall-prodotti u s-servizzi jinbidlu maż-żmien – tibqa’ baxxa, stabbli u prevedibbli.

Biex tirnexxi, aħna nfittxu li ninfluwenzaw il-“temperatura” tal-ekonomija, filwaqt li niżguraw li l-kundizzjonijiet huma kif jixraq. Mhux sħuna wisq, u mhux kiesħa wisq. Bl-għajnuna tal-istrumenti tal-politika monetarja tagħna, u prinċipalment permezz tas-sistema finanzjarja, aħna ninfluwenzaw il-“kundizzjonijiet ta’ finanzjament” tan-nies, in-negozji u l-gvernijiet fiż-żona tal-euro.

Pereżempju, billi jaġġusta r-rati tal-imgħax tiegħu l-BĊE jista’ jinfluwenza kemm tonfoq flus biex tissellef il-flus. Aħseb dwar is-sidien ta’ ħwienet li jridu self mill-bank biex ikabbru n-negozji tagħhom, jew nies li jridu self ipotekarju jixtru dar. Billi ninfluwenzaw kemm tonfoq biex tissellef, il-politika monetarja tagħna għandha impatt fuq kemm nonfqu u ninvestu bħala konsumaturi jew is-sidien tan-negozji. Dan, min-​naħa tiegħu, jeffettwa kemm jiswew l- affarijiet. Għalhekk, billi nibdlu r-rati tal-imgħax, nistgħu ninfluwenzaw il-prezzijiet u l-inflazzjoni.

Għaliex il-BĊE introduċa strumenti ġodda tal-politika monetarja?

Kaxxa tal-għodda mimlija b’għodod differenti

Ir-rati tal-imgħax tagħna huma wieħed biss minn bosta strumenti li nużaw għall-politika monetarja tagħna. Aħseb f’kaxxa tal-għodda sħiħa ta’ għodod differenti li jintużaw, ukoll flimkien kollha, biex tgħinna nidderieġu l-inflazzjoni. F’dawn l-aħħar snin żidna strumenti ġodda fis-sett ta’ għodod tagħna b’reazzjoni għal bidliet kbar fl-ekonomija li għamlu l-kompitu tagħna li nżommu l-istabbiltà tal-prezzijiet aktar diffiċli.

Dinja li qed tinbidel wasslet għal strumenti ġodda tal-politika monetarja

Dawn il-bidliet mhumiex fil-kontroll tal-banek ċentrali, u biddlu l-mod kif taħdem l-ekonomija tagħna. Dawn wasslu għal tnaqqis fl-hekk imsejħa "rata tal-imgħax naturali“ – ir-rata tal-imgħax li biha taħdem l-ekonomija mingħajr xkiel u l-prezzijiet huma stabbli. Jekk il-banek ċentrali jżidu r-rati tal-imgħax tagħhom ’il fuq mir-rata naturali, għandhom it-tendenza li jnaqqsu t-tkabbir fl-ekonomija u l-inflazzjoni. Jekk il-banek ċentrali jnaqqsu r-rati tal-imgħax tagħhom ’il fuq mir-rata naturali, għandhom it-tendenza li jżidu t-tkabbir fl-ekonomija u l-inflazzjoni.

Minħabba li hemm limitu għal kemm jistgħu jinżlu r-rati tal-imgħax baxxi, tnaqqis fir-rata naturali tal-imgħax ifisser li l-banek ċentrali għandhom inqas spazju biex jistimulaw l-ekonomiji tagħhom billi jużaw biss il-politika tar-rati tal-imgħax. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex aħna, bħal banek ċentrali oħra madwar id-dinja, introduċejna strumenti ġodda tal-politika monetarja. Jgħinuna nagħmlu xogħolna aħjar: iż-żamma tal-prezzijiet stabbli.

L-istrumenti tagħna jaħdmu flimkien

Daħħalna erba’ strumenti ġodda tal-politika monetarja biex niżguraw li l-impatt pożittiv tal-politika monetarja tagħna jilħaq lin-nies u lin-negozji. Dawn jinkludu:

  • ir-rati negattivi tal-interessi tagħna, li jħeġġu lill-banek isellfu b’rati baxxi sabiex in-nies u n-negozji jkunu jistgħu jissellfu b’mod irħis.
  • il-“gwida ’l quddiem” tagħna, fejn nagħmlu ċar l-intenzjonijiet tagħna għal politika monetarja futura skont kif tiżviluppa l-ekonomija;
  • Ix-xiri tal-assi tagħna, li jgħin biex tingħata spinta lis-self, l-infiq u l-investiment fl-ekonomija.
  • “l-operazzjonijiet tagħna ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal”, fejn insellfu l-flus lill-banek b’rati favorevoli ħafna bil-kundizzjoni li jsellfu dawn il-flus lin-nies u lin-negozji.

Filwaqt li kull wieħed mill-istrumenti tagħna huwa effettiv bil-mod tiegħu, kollha jaħdmu flimkien biex isaħħu l-impatt ta’ xulxin.

Aħna se nkomplu nużaw dawk l-istrumenti kollha kif meħtieġ fil-futur. Jekk ikun meħtieġ, nistgħu niżviluppaw ukoll għodod addizzjonali biex niżguraw li nkunu nistgħu nwettqu l-ħidma tagħna li nżommu l-prezzijiet stabbli.

Qed noqogħdu attenti għal kwalunkwe effett sekondarju mhux intenzjonat

Benefiċċji mixtieqa u spejjeż mhux mixtieqa

Aħna konxji wkoll li l-politika tagħna jista’ jkollha impatt fuq partijiet oħra tal-ekonomija. Hi pjuttost bħal mediċina li hija effettiva fil-kura ta’ marda speċifika iżda jista’ jkollha wkoll effetti sekondarji mhux mixtieqa. Għalhekk, it-tobba joqogħdu attenti għal dawn l-effetti u jivvalutaw kontinwament jekk il-benefiċċji jkunux għadhom akbar mir-riskji.

Aħna kontinwament ngħassu għal effetti sekondarji mhux mixtieqa

Bl-istess mod, il-BĊE jara kwalunkwe effett sekondarju mhux intenzjonat tal-istrumenti tal-politika monetarja tagħna u jivvaluta l-benefiċċji mixtieqa kontra spejjeż mhux mixtieqa. Effett sekondarju wieħed ta’ rati ta’ imgħax baxxi ħafna huwa li n-nies ma jiksbux ħafna redditu fuq il-flus fil-kontijiet tat-tfaddil tagħhom. Imma n-nies m’humiex biss dawk li jfaddlu. Huma wkoll sidien ta’ djar, impjegati, imprendituri u persuni li jħallsu t-taxxi, li għalihom l-effetti ekonomiċi tar-rati ta’ interess baxxi ħafna tagħna kienu l-aktar ta’ benefiċċju.

l-uniku mod kif nerġgħu lura għal rati tal-imgħax ogħla hu li jkollna ekonomija li qed tikber u rati ta’ inflazzjoni b’saħħithom. Dan hu dak li l-politika monetarja tagħna għandha l-għan li tagħmel. L-analiżi tar-reviżjoni tal-istrateġija tagħna kkonfermat li l-benefiċċji tal-istrumenti tal-politika monetarja tagħna għall-ekonomija kollha kemm hi kienu akbar mill-ispejjeż tagħhom. Se nkomplu noqogħdu attenti għal effetti sekondarji mhux mixtieqa fil-futur.

KOMPLI AQRA
Valutazzjoni tal-effikaċja, l-effiċjenza u l-effetti sekondarji potenzjali tal-istrumenti tal-politika monetarja tal-BĊE mill-2014
REVIŻJONI TAL-ISTRATEĠIJA
Trid aktar informazzjoni?