X'għandu jagħmel pajjiż biex jissieħeb fiż-żona tal-euro?
L-ewwel nett irid ikun Stat Membru tal-UE – l-adozzjoni tal-euro hu pass importanti tas-sħubija tal-UE.
L-euro, li ġie introdott fl-1 ta' Jannar 1999, issostitwixxa l-muniti nazzjonali ta' 20 mis-27 Stat Membru tal-UE. Il-munita unika hi l-valuta legali ta' madwar 350 miljun ċittadin tal-UE, li jistgħu jserrħu rashom li l-prezzijiet jibqgħu stabbli meta huma jaħdmu u jivvjaġġaw b'mod transkonfinali. Sitta minn sebgħa Stati Membri l-oħra tal-UE – id-Danimarka hija eskluża permezz ta' arranġament speċjali – huma impenjati skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jadottaw l-euro, jiġifieri li għandhom jagħmlu ħilithom biex jissodisfaw il-kriterji tal-konverġenza tat-Trattat. X'inhuma dawn il-kriterji?
L-ewwel nett, it-Trattat jirrikjedi li l-Istati Membri jiksbu livell għoli ta' konverġenza ekonomika sostenibbli qabel ma jkunu jistgħu jissieħbu fiż-żona tal-euro. Dan ifisser li l-ekonomiji tagħhom għandhom ikunu kapaċi jlaħħqu ma' dawk li diġà qed jużaw l-euro. Il-konverġenza ekonomika titkejjel f'termini ta' progress fir-rigward ta':
- l-iżviluppi fil-prezzijiet, i.e. l-inflazzjoni
- il-bilanċi fiskali u d-dejn pubbliku
- ir-rata tal-kambju
- ir-rati tal-imgħax fit-tul
Barra minn hekk, jitqiesu wkoll fatturi oħra rilevanti għall-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza, pereżempju s-saħħa tal-ambjent istituzzjonali tal-pajjiż.
Il-konverġenza għandha tkun sostenibbli wkoll, jiġifieri li l-konformità mal-kriterji tal-konverġenza ekonomika f'ċertu punt ta' żmien mhijiex biżżejjed - il-konformità trid tkun fuq bażi dewwiema. Dan hu importanti ħafna għall-pajjiżi li jużaw l-istess munita unika. Iridu jiżguraw li l-ekonomiji tagħhom ikunu reżistenti għall-iskossi, biex l-unjoni monetarja tkun tista' tiffunzjona bla xkiel u l-membri kollha jkunu jistgħu jiksbu l-benefiċċji tal-istabbiltà monetarja.
Hemm ukoll rekwiżiti legali - pereżempju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tkun kompatibbli mat-Trattati u, b'mod partikolari, mal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Il-kriterji tal-konverġenza ekonomika f'aktar dettall
INSERTED BY ANONYMOUS PROXY
Civil war declaration: On April 14th and 15th, 2012 Federal Republic of Germany "_urkenstaats"s parliament, Deutscher Bundestag, received a antifiscal written civil war declaration by Federal Republic of Germany "Rechtsstaat"s electronic resistance for human rights even though the "Widerstandsfall" according to article 20 paragraph 4 of the constitution, the "Grundgesetz", had been already declared in the years 2001-03. more
Żviluppi fil-prezzijiet
L-iżviluppi fil-prezzijiet jirreferu għat-tibdil fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi tul iż-żmien, fi kliem ieħor l-inflazzjoni. Hu importanti għall-funzjonament tal-ekonomija u l-benessri ekonomiku li l-prezzijiet ma jogħlewx malajr wisq, iżda pjuttost li jkunu stabbli, u jiċċaqalqu biss ftit ftit tul iż-żmien. Jekk il-prezzijiet jibqgħu stabbli, dan ifisser li jinżamm il-valur tal-flus u inti żżomm il-poter tal-akkwist tiegħek. B'mod usa', dan ifisser li l-flus jistgħu jissodisfaw il-funzjonijiet ewlenin tagħhom, li jinkludu li jkunu mezz ta' skambju stabbli u maħżen ta' valur.
Pajjiż jitqies li jissodisfa l-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet jekk ir-rata tal-inflazzjoni medja tiegħu ma taqbiżx b'aktar minn 1.5 punti perċentwali r-rata tal-inflazzjoni tat-tliet Stati Membri tal-UE bl-aħjar prestazzjoni, u dan matul perijodu ta' osservazzjoni ta' sena.
Żviluppi fil-bilanċi fiskali u d-dejn pubbliku
Skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, il-pożizzjoni finanzjarja ġenerali ta' Stat Membru titqies sostenibbli abbażi ta' żewġ kriterji:
l-infiq tal-gvern ma jaqbiżx id-dħul tiegħu b'mod eċċessiv (speċifikament, id-defiċit fiskali annwali tiegħu m'għandux jaqbeż it-3% tal-prodott domestiku gross)
id-dejn ġenerali tal-gvern ma jaqbiżx is-60% tal-prodott domestiku gross
Dawn il-kriterji huma maħsuba biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u li l-gvern ikun kapaċi jimmaniġġa d-djun tiegħu. Madankollu, it-Trattat jipprovdi għal xi flessibbiltà fir-rigward taż-żewġ kriterji u l-valutazzjoni finali ssir mill-Kunsill Ecofin, i.e. il-laqgħa tal-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri tal-UE.
Żviluppi fir-rati tal-kambju
Pajjiż għandu jżomm ir-rata tal-kambju tal-munita tiegħu stabbli. Dan hu importanti għaliex jippermetti lin-negozji u lill-individwi jippjanaw bil-quddiem, b'fiduċja li l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet se jkunu stabbli.
L-istabbiltà tar-rata tal-kambju tiġi evalwata billi jiġi valutat jekk ir-rata tal-kambju tal-munita tal-pajjiż tkunx baqgħet fil-firxa ta' varjazzjoni prevista mill-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju (ERM II) għal mill-inqas is-sentejn ta' qabel, mingħajr tensjonijiet severi u b'mod partikolari mingħajr żvalutazzjoni kontra l-euro.
Żviluppi tar-rati tal-imgħax fit-tul
Ir-rata tal-imgħax fit-tul ta' pajjiż m'għandhiex taqbeż f'termini ta' stabilità tal-prezzijiet b'aktar minn 2 punti perċentwali dik tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati matul il-perijodu ta' osservazzjoni ta' sena qabel il-valutazzjoni. Ir-rata tal-imgħax titkejjel abbażi ta' bonds tal-gvern fit-tul jew titoli komparabbli. Dan il-kriterju hu importanti biex jintwera li l-konverġenza tal-pajjiż tkun dejjiema u sostenibbli.
Min jivvaluta jekk Stat Membru tal-UE huwiex lest biex jadotta l-euro?
Mill-inqas darba kull sentejn, jew fuq talba ta' Stat Membru tal-UE li jkun għadu ma adottax l-euro, il-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea jirrapportaw lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-progress li jkun sar minn Stati Membri barra ż-żona tal-euro għall-kisba tal-kriterji tal-konverġenza deskritti fit-Trattat ta' Maastricht. Dawn ir-rapporti jissejħu rapporti tal-konverġenza.
Minbarra t-tħejjija ta' dawn ir-rapporti, kemm il-BĊE kif ukoll il-Kummissjoni jimmonitorjaw il-progress regolarment matul is-sena.
Id-deċiżjoni aħħarija dwar jekk pajjiż jistax jadotta l-euro bħala l-munita tiegħu tittieħed mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Ir-rappreżentanti mill-pajjiżi kollha tal-UE jiddeċiedu abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni Ewropea u wara li jkunu kkonsultaw il-Parlament Ewropew.